European Economic
and Social Committee
Il-KESE u l-ILO jingħaqdu flimkien biex isawru futur ġust u inklużiv immexxi mill-IA f’konferenza ta’ livell għoli
L-intelliġenza artifiċjali qed tittrasforma d-dinja tax-xogħol b’pass bla preċedent, u ġġib magħha kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi għall-ħaddiema, għan-negozji u għal dawk li jfasslu l-politika. Fit-3 ta’ Frar, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) organizzaw flimkien konferenza ta’ livell għoli dwar “Il-Ġustizzja Soċjali fl-Era Diġitali: L-impatt tal-IA fuq ix-xogħol u s-soċjetà”.
Fil-Konferenza ta’ livell għoli pparteċipaw mexxejja prominenti – inkluż diversi ministri għax-xogħol tal-UE – fejn dawn iddeliberaw dwar strateġiji biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-IA filwaqt li jiġu indirizzati r-riskji li din toħloq għad-drittijiet tal-ħaddiema u s-swieq tax-xogħol. Dan l-avveniment immarka kontribut kbir għall-Koalizzjoni Globali għall-Ġustizzja Soċjali, u enfasizza l-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat għall-governanza tal-IA kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak globali. Din il-konferenza konġunta ta’ livell għoli ġiet organizzata b’mod konġunt mis-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC) tal-KESE u l-ILO.
Sejħa għal żvilupp etiku u inklużiv tal-IA
Fil-ftuħ tal-konferenza, il-President tal-KESE Oliver Röpke enfasizza l-ħtieġa urġenti għal approċċ iċċentrat fuq il-bniedem għall-IA, u ddikjara li: “L-intelliġenza artifiċjali diġà qed issawwar mill-ġdid is-soċjetajiet u s-swieq tax-xogħol tagħna, u ġġib magħha kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi. Il-KESE u l-organizzazzjonijiet imsieħba tiegħu huma impenjati li jiżguraw li l-IA sservi bħala forza għall-ġustizzja soċjali, it-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-promozzjoni tal-inklużjoni, u l-prevenzjoni ta’ inugwaljanzi ġodda. Jekk fil-futur irridu li l-IA tkun ġusta u ċċentrata fuq il-bniedem tenħtieġ azzjoni kollettiva – minn dawk li jfasslu l-politika sal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili – biex jiġi żgurat li t-teknoloġija taħdem għan-nies u mhux kontrihom.”
Id-Direttur Ġenerali tal-ILO Gilbert F. Houngbo enfasizza l-importanza ta’ politiki proattivi sabiex jittaffa l-impatt ta’ tfixkil tal-IA fuq l-impjiegi u l-postijiet tax-xogħol: “Jeħtieġ li niżguraw li nsawru l-IA b’modi li javvanzaw il-ġustizzja soċjali. Dan ifisser diversi azzjonijiet: li jiġu appoġġjati l-ħaddiema, inkluż bil-ħiliet u l-protezzjoni soċjali; li jiġi ffaċilitat l-aċċess mill-intrapriżi ta’ kull daqs u fil-partijiet kollha tad-dinja għat-teknoloġija tal-IA biex jiġu sfruttati l-benefiċċji tal-produttività; u li jiġi żgurat li l-integrazzjoni tal-IA fuq il-post tax-xogħol tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u tippromovi d-djalogu soċjali fit-tranżizzjoni diġitali.”
Waqt żewġ panels, kelliema ta’ livell għoli qasmu l-għarfien tagħhom dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li jipperċepixxu fl-isfruttar tal-IA biex jippromovu xogħol deċenti u swieq tax-xogħol inklużivi u jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-snin li ġejjin. Fost il-membri tal-panels kien hemm il-ministri għax-xogħol tal-UE Agnieszka Dziemianowicz-Bąk (il-Polonja), Yolanda Díaz (Spanja), Níki Keraméos (il-Greċja) u Maria do Rosário Palma Ramalho (il-Portugall), kif ukoll id-delegat tal-Gvern Franċiż għall-ILO u għall-G7-G20, Anousheh Karvar (fost oħrajn).
Id-diskussjonijiet li saru enfasizzaw il-fatt li, għalkemm hemm riskju assoċjat mat-tnedija tal-IA, ma hemmx bżonn li nopponu din it-teknoloġija l-ġdida. Madankollu, huwa essenzjali li ssir enfasi fuq id-djalogu soċjali u li l-ħaddiema jiġu inklużi fl-użu tal-IA, u li tingħata attenzjoni partikolari lill-isforzi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet. L-introduzzjoni u r-regolamentazzjoni adegwata u kkontrollata tal-IA se jgħinu biex jiġu evitati xokkijiet kbar u jippermettu li din it-teknoloġija tnaqqas il-kompiti ripetittivi mingħajr ma neċessarjament twassal għal sensji fuq skala kbira.(lm)