Fid-9 ta’ Novembru, il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) iltaqgħet għal dibattitu mill-bogħod dwar l-industrija tal-azzar tal-UE. Id-dibattitu, ippresedut minn Pietro Francesco De Lotto, il-President il-ġdid tas-CCMI, iffoka fuq il-kwistjonijiet tal-kapaċità żejda u d-dekarbonizzazzjoni fl-industrija internazzjonali tal-azzar. Il-kelliema indirizzaw l-isfidi li qed tiffaċċja l-industrija Ewropea tal-azzar: il-pjan ta’ rkupru wara l-COVID-19, id-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, il-miżuri ta’ salvagwardja tal-UE u l-kummerċ.

L-azzar huwa ass essenzjali fil-pajjiżi żviluppati u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kollha. Il-pandemija tal-COVID-19 qajmet mistoqsijiet dwar id-dipendenza fuq il-katina globali tal-provvista, speċjalment meta ħafna pajjiżi jiddependu minn pajjiż wieħed biss.

Il-produzzjoni ta’ kapaċità żejda tal-industrija Ċiniża tal-azzar hija sors ta’ tħassib, hekk kif issa ċ-Ċina tiddomina aktar minn nofs is-suq dinji. Fl-2018, l-Istati Uniti ppromulgaw taxxi protezzjonisti sabiex l-ekonomija Amerikana kienet inqas dipendenti fuq il-materjali Ċiniżi. Is-suq tal-UE bata b’mod sever minħabba dawn il-miżuri, peress li l-Istati Uniti tal-Amerika huma konsumatur importanti għall-azzar prodott fl-UE

Fl-istess waqt, pajjiżi mid-dinja kollha qed jagħmlu sforzi biex inaqqsu l-emissjonijiet effett serra tagħhom, u qed jitressqu numru dejjem jikber ta’ inizjattivi sabiex ikun hemm tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

Fi tmiem id-dibattitu, is-Sur De Lotto qal li “Irridu niżgura l-kompetittività tas-setturi tal-azzar li jirrispettaw l-istandards ambjentali għal din it-tranżizzjoni iżda li qed jiffaċċjaw kompetizzjoni minn reġjuni oħra fid-dinja fejn standards bħal dawn jew ma jeżistux jew mhumiex adegwati. Dan japplika wkoll għall-istandards dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tax-xogħol.”

Għalhekk, il-KESE jappella għal kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi esportaturi Ewropej u dawk minn pajjiżi terzi. (tk/ks)