European Economic
and Social Committee
#ReskillEU – Il-forza tax-xogħol Ewropea fil-qasam tal-enerġija u tat-trasport teħtieġ sett ta’ ħiliet ġodda biex id-dekarbonizzazzjoni ssir realtà
Il-Konferenza dwar #ReskillEU – impjiegi ġodda għall-enerġija u t-trasport fl-Ewropa, li ġiet koospitata mis-Sezzjoni TEN u d-DĠ Riċerka u Innovazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell fit-8 ta’ Novembru 2023, bagħtet messaġġ ċar: l-UE jrid ikollha pjan strutturat u effiċjenti biex tiżviluppa l-ħiliet kritiċi li huma meħtieġa, jekk irridu li jseħħu t-tranżizzjonijiet tal-enerġija u tat-trasport.
L-enerġija u t-trasport nodfa jeħtieġu b’mod urġenti ħiliet, għarfien u kapaċitajiet ġodda, u l-perkors tal-UE lejn in-newtralità klimatika sal-2050 jista’ jirnexxi biss jekk ikun akkumpanjat minn forza tax-xogħol mgħammra bis-sett ta’ ħiliet meħtieġa.
Fir-rigward tal-importanza ta’ “ħiliet u għarfien ġodda għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali bla xkiel fis-settur tat-tasport u tal-enerġija”, il-President tal-KESE Oliver Röpke qal: “L-enfasi fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ma tridx tinjora l-element uman fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Jeħtieġ li niżguraw li l-membri kollha tas-soċjetà jkunu parti minn din it-tranżizzjoni.”
Sabiex tiżgura li l-ħaddiema jkunu mgħammra bil-ħiliet “il-ġodda” meħtieġa, l-UE trid taġixxi issa, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-2025 u fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023.
Is-settur tal-enerġija rinnovabbli tal-UE attwalment jeħtieġ iktar minn 1,2 miljun ħaddiem tas-sengħa u – skont l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli – dawn il-figuri huma mistennija jiżdiedu kull sena sal-2050.
L-istess jgħodd għat-trasport, li jimpjega aktar minn 15-il miljun persuna fl-UE. It-trasport huwa settur li għaddej minn trasformazzjoni rapida u qed jissawwar ferm mit-teknoloġiji tal-awtomatizzazzjoni, l-elettrifikazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni.
“Meta nħarsu lejn is-setturi tal-enerġija u tat-trasport fl-Ewropa, joħroġ fid-dieher b’mod estremament ċar il-kobor tal-isfida tal-ħiliet”, qalet Baiba Miltoviča, il-President tas-Sezzjoni TEN. “Irridu niżguraw li l-iżvilupp tal-għarfien u l-ħiliet ikun fuq quddiem nett tal-isforzi tagħna. Dan jinvolvi impenn għal tagħlim kontinwu, taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet biex jiġu ssodisfati d-domandi li qed jevolvu.” (mp)