European Economic
and Social Committee
Reviżjoni tad-Direttivi Ewropej dwar l-Ikel: nipproteġu l-konsumaturi u nippromovu t-trasparenza
Il-KESE jenfasizza r-rwol ċentrali tal-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fit-tisħiħ tas-saħħa tal-bniedem, il-preservazzjoni tal-ekosistemi, it-tisħiħ tas-soċjetà u l-appoġġ għall-komunitajiet rurali.
Biex dawn l-għanijiet jintlaħqu hemm bżonn ta’ approċċ multidimensjonali, inkluż billi tiżdied id-disponibbiltà ta’ prodotti sostenibbli, l-individwi jiġu edukati biex jagħmlu għażliet djetetiċi tajbin għas-saħħa, tiġi promossa r-riformulazzjoni tal-prodott u jiġi estiż it-tikkettar obbligatorju tal-oriġini għal oġġetti speċifiċi. Dawn il-bidliet iridu jallinjaw mat-tħassibiet attwali tas-soċjetà u mal-esiġenzi tal-konsumatur waqt li fl-istess ħin jinżammu l-kompetittività u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol favorevoli fis-settur agroalimentari.
“L-Opinjoni tappoġġja l-Proposta tal-Kummissjoni ta’ tikkettar obbligatorju tal-oriġini għat-taħlitiet tal-għasel, iżda tagħmel iktar billi titlob ukoll il-perċentwali ta’ kull oriġini, abbażi tal-iżvilupp ta’ metodu affidabbli ta’ testjar. Fl-istess ħin, “għasel adulterat” jista’ jiġi identifikat faċilment; u din hija l-aktar miżuri urġenti biex jiġu mħarsa dawk li jrabbu n-naħal’ għall-protezzjoni ta’ dawk li jrabbu n-naħal fl-UE; tista’, u għandha, tiġi infurzata immedjatament”, qalet Kerli Ats, relatur ta’ rapport tal-KESE dwar din il-kwistjoni.
Dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa u l-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-provvista tal-għasel qed jiffaċċjaw sfidi formidabbli dwar it-trasparenza tal-oriġini tat-taħlitiet tal-għasel. Dawn l-isfidi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-introjtu tagħhom u s-sitwazzjoni usa’ tas-suq Ewropew. L-isforzi attwali għall-ġlieda kontra l-frodi u l-kompetizzjoni inġusta għadhom insuffiċjenti. Filwaqt li l-KESE jilqa’ l-Proposta li tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Għasel, billi jiġi introdott tikkettar obbligatorju tal-oriġini, huwa għandu dubji dwar in-nuqqas ta’ ambizzjoni biex jiġu implimentati miżuri addizzjonali biex il-frodi jiġi miġġieled b’mod effettiv.
Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwi l-adozzjoni ta’ miżuri aktar ambizzjużi sabiex jiġu ssalvagwardati l-produtturi Ewropej tal-għasel, jiġu infurzati standards rigorużi tal-kummerċjalizzazzjoni, jiġu stabbiliti testjar u kontrolli tat-traċċabbiltà sistematiċi fuq l-għasel importat lejn l-UE, u jiġi impost l-obbligu tat-tikkettar tal-pajjiż tal-oriġini għat-taħlitiet tal-għasel. It-tikkettar propost għandu jagħti dettalji dwar is-sehem perċentwali rispettiv ta’ kull oriġini tal-għasel, ippreżentati f’ordni dixxendenti.
Huwa importanti li jiġu indirizzati l-isfidi fl-ikkwantifikar tas-sehem perċentwali ta’ kull oriġini ta’ għasel fit-taħlitiet. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal metodu analitiku prattiku u aċċessibbli, biex tiġi żgurat l-integrità tat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini sabiex il-konsumaturi jiġu protetti mill-frodi.
L-isforzi għandhom jiffukaw ukoll fuq l-iżvilupp ta’ sistema ta’ traċċabbilità li tagħti kodiċi unika ta’ identifikazzjoni lill-għasel kollu mibjugħ kummerċjalment, kemm jekk hu prodott fl-UE kif ukoll jekk importat. Din is-sistema tagħmilha possibbli li l-għasel jiġi traċċat lura għand min irabbi n-naħal responsabbli għall-ħsad tiegħu. Madankollu, huwa imperattiv li jiġi żgurat li dawn il-miżuri ma jkunux ta’ piż żejjed fuq il-kumpaniji, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, bi spejjeż eċċessivi.