Fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-President, Christa Schweng, u l-President li għadu kif ġie elett tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), Vasco Alves Cordeiro, iddiskutew il-prospetti l-ġodda għal azzjoni konġunta u kooperazzjoni bejn iż-żewġ kumitati.

Il-President tal-KESE, Christa Schweng, fetħet id-dibattitu u rrrimarkat li ż-żewġ Kumitati dejjem iddefendew il-proġett Ewropew u taw kontribut siewi għalih. “F’dan iż-żmien kritiku, meta l-Ewropa qed tiffaċċja tħassib ta’ kull tip, huwa aktar importanti minn qatt qabel li ningħaqdu flimkien u nqarrbu l-Ewropa lejn iċ-ċittadini tagħha”, hija qalet.

Is-Sur Cordeiro qabel mal-importanza politika tal-ħidma konġunta tal-KESE u tal-KtR, speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli għall-UE. “Mill-bini tal-irkupru wara l-pandemija għat-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea, mill-iffaċċjar tal-gwerra kontra l-Ukrajna u l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħha għad-difiża tal-politika ta’ koeżjoni: iż-żewġ Kumitati tagħna għandhom interess u responsabbiltà komuni biex jitkellmu b’vuċi ċara u jmexxu ’l quddiem lill-Unjoni Ewropea”, huwa qal.

Ewropa aktar b’saħħitha u aktar ġusta għal kulħadd u Politika ta’ Koeżjoni aktar b’saħħitha fil-futur huma ż-żewġ objettivi ewlenin tal-President li għadu kif ġie elett tal-KtR, objettivi li l-KESE jħaddan u jappoġġja. Ewropa aktar b’saħħitha mill-perspettiva demokratika hija Unjoni b’valuri u prinċipji fundamentali b’saħħithom, bħal-libertà, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, u Ewropa aktar ġusta li tiġġieled għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għal soċjetà inklużiva. It-tieni prijorità, il-Politika ta’ Koeżjoni, għandha rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea. Is-Sur Cordeiro ddikjara li l-KtR se jiddefendi bis-sħiħ il-politika ta’ koeżjoni fid-dawl tal-battalja futura għall-baġit tal-UE ta’ wara l-2027.

Is-Sinjura Schweng enfasizzat l-importanza tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tal-UE, li “hija kwistjoni li dwarha għandna naħdmu flimkien aktar mill-qrib”, u li fis-segwitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa nistgħu nwettqu din il-kooperazzjoni mill-qrib fil-prattika. “Il-Konferenza tirrappreżenta opportunità kbira iżda wkoll responsabbiltà enormi lejn iċ-ċittadini”, qalet is-Sinjura Schweng. “Jeħtieġ li nkunu ċari fir-rigward tat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini”, żid jgħid is-Sur Cordeiro.

Matul id-dibattitu li segwa, il-President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, Séamus Boland, qal: “Fi ħdan il-KESE aħna nikkondividu għan komuni mal-kollegi tagħna tal-Kumitat tar-Reġjuni, li huwa li niżguraw li n-nies li nirrappreżentaw ikollhom aċċess għas-servizzi pubbliċi li huma jeħtieġu. Permezz ta’ ħidma flimkien, aħna nistgħu nkunu vuċi b’saħħitha biex inleħħnu l-ħtiġijiet tan-nies li ħafna drabi jitħallew jibqgħu lura minħabba l-faqar jew l-esklużjoni”.

Il-President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, Stefano Mallia, enfasizza r-rwol tal-politika ta’ koeżjoni biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-prosperità, u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent ekonomiku li fih in-negozji innovattivi ta’ kull daqs jistgħu jirnexxu. Skont is-Sur Mallia, Ewropa aktar b’saħħitha tfisser ekonomiji b’saħħithom, Suq Uniku reżiljenti u kundizzjonijiet aħjar biex niffaċċjaw sfidi ġodda.

Il-President tal-Grupp tal-Ħaddiema, Oliver Röpke laqa’ l-impenn b’saħħtu tal-President il-ġdid tal-KtR għal Ewropa aktar b’saħħitha u aktar ġusta u għal demokrazija b’saħħitha. Huwa enfasizza wkoll ir-rwol komplementari taż-żewġ Kumitati. Huwa rrimarka li l-kooperazzjoni mal-KtR dwar l-implimentazzjoni tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u qal li ż-żewġ Kumitati għandhom jirsistu għal parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

Il-Presidenti taż-żewġ Kumitati enfasizzaw l-impenn tagħhom biex jaħdmu flimkien għal Ewropa aktar ġusta u aktar b’saħħitha u li jsemmgħu l-vuċi ta’ dawk li jaħdmu fuq il-post. (ab)