Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE rċieva tweġibiet mill-ogħla livell politiku għall-appell tiegħu għal ftehim rapidu dwar il-baġit ta’ rkupru ambizzjuż. F’Ġunju 2020, il-Grupp ta’ Min Iħaddem bagħat ittra dwar dan is-suġġett lill-membri tal-Kunsill Ewropew kif ukoll lill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u lill-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli.

Il-messaġġ ewlieni tal-Grupp ta’ Min Iħaddem kien li negozji reżiljenti li jirnexxu huma kruċjali għall-irkupru tal-ekonomija tal-UE b’mod ġenerali. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm fokus sod fuq il-kundizzjonijiet tan-negozju hekk kif qed inħejju għall-perjodu ta’ wara l-kriżi. Frédéric Bernard, il-kap tal-kabinett tas-Sur Michel, enfasizza fit-tweġiba tiegħu tat-3 ta’ Lulju, li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss għandu jkun strument ewlieni biex jiġu appoġġjati rkupru stabbli u “Suq Uniku mmodernizzat u li jiffunzjona bis-sħiħ”.

Bl-istess mod, is-Sur Sassoli indika fit-tweġiba tiegħu lill-Grupp ta’ Min Iħaddem fis-17 ta’ Lulju li “għandna bżonn miżuri ekonomiċi straordinarji u mingħajr preċedent u għaqda Ewropea ġenwina u mingħajr kundizzjonijiet”. Huwa laqa’ l-fehim kondiviż mal-Grupp ta’ Min Iħaddem dwar il-ħtieġa għal rispons magħqud fil-livell tal-UE. Huwa meħtieġ QFP ambizzjuż sabiex iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej jiġu mgħejuna biex jirkupraw mill-kriżi.

Is-Sinjura von der Leyen wkoll esprimiet il-gratitudni tagħha għall-ittra u d-dokument ta’ pożizzjoni In-negozju huwa kruċjali għall-irkupru tal-UE mill-kriżi tal-coronavirus. Iż-żewġ dokumenti intbagħtu lil Maroš Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva. F’isem il-President Macron, il-kap tal-persunal tiegħu Patrick Strzoda kkonferma l-importanza tat-tnedija mill-ġdid tal-ekonomija mill-aktar fis. L-ittra ntbagħtet ukoll lil Bruno Le Maire, il-Ministru Franċiż għall-Ekonomija u l-Finanzi, u lil Clément Beaune, il-Ministru Franċiż tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej.