F’dibattitu fil-plenarja dwar il-futur tal-politika kummerċjali tal-UE dwar ir-realtà globali li qed tinbidel, il-KESE enfasizza li kummerċ miftuħ, ġust, inklużiv u sostenibbli huwa l-uniku kummerċ li jwassal għal irkupru reżiljenti u jġib prosperità lin-negozji u lin-nies. Huwa rrikonoxxa wkoll ir-rwol ewlieni tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f’dan l-isforz.

L-istampa tal-kummerċ globali turi li l-irkupru għadu eteroġenju.

Il-President tal-KESE, Christa Schweng sostniet li: “Il-kummerċ internazzjonali għandu jkun ħieles, ġust, sostenibbli u prevedibbli. Dan huwa vitali għan-negozju u għan-nies tagħna. Il-kummerċ sostenibbli huwa l-uniku kummerċ li jista’ jwassal għal irkupru reżiljenti u sostenibbli mill-pandemija tal-COVID-19”.

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ottubru, il-KESE ospita lill-Ambaxxatur Jean-Marie Paugam, Deputat Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li huwa fiduċjuż li s-sistema tal-kummerċ internazzjonali uriet ir-reżiljenza tagħha fid-dawl tal-pandemija. “Għall-ewwel rajna proliferazzjoni ta’ miżuri restrittivi għall-kummerċ, madankollu l-Istati ma damux ma għażlu t-triq tal-kooperazzjoni u l-faċilitazzjoni”.

Permezz tal-Opinjoni ta’ inizjattiva proprja dwar Il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġenerazzjoni li Jmiss – Rieżami tal-pjan ta’ azzjoni ta’ 15-il punt, b’rabta mad-dibattitu, il-KESE għandu l-għan li jiżgura li din id-darba l-messaġġ għal “aġenda kummerċjali bbażata fuq il-valuri” tkun stabbilita b’mod ċar bħala parti integrali tal-istrateġija kummerċjali tal-UE.

Ir-relatur tal-Opinjoni, Tanja Buzek, speċifikament enfasizzat li l-kapitoli dwar ix-xogħol u l-ambjent ma jissodisfawx bis-sħiħ l-impenji legalment vinkolanti tagħhom. “Nipproponu rieżami ambizzjuż, li jinkludi approċċ ta’ infurzar sanzjonabbli mġedded b’monitoraġġ aktar b’saħħtu tas-soċjetà ċivili, permezz ta’ strumenti innovattivi u bit-tisħiħ tal-ingranaġġ għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli”.

“Non aes sed fides” – mhux il-flus, imma l-fiduċja

Is-Sur Paugam stabbilixxa bħala prijorità l-kisba lura tal-fiduċja fis-sistema li ddgħajfet minn bosta partijiet ikkonċernati u bosta Stati għal żmien twil. “L-ewwel nett jeħtiġilna nibnu mill-ġdid livell minimu ta’ fiduċja, peress li mingħajrha ma jista’ jseħħ l-ebda negozjar”, huwa żied jgħid b’mod enfatiku li l-assi l-aktar prezzjużi tad-WTO huwa “non aes sed fides”, mhux il-flus, imma l-fiduċja.

Abbażi ta’ artiklu ppubblikat dan l-aħħar fir-rivista Borderlex minn David Henig dwar it-tliet xenarji possibbli għad-WTO, “irkupru, diżintegrazzjoni jew rigressjoni”, is-Sur Paugam jagħżel ir-“rikostruzzjoni”. Għalhekk, l-UE u s-soċjetà ċivili Ewropea għandhom jiġu involuti b’mod attiv, peress li skont kif sostniet is-Sinjura Buzek: “Ma hemmx sostenibbiltà mingħajr is-soċjetà ċivili”.

Is-Sinjura Schweng għalqet l-avveniment billi ddikjarat li: “L-involviment attiv u l-impenn tas-soċjetà ċivili organizzata, bil-komponenti kollha tagħha, huma elementi essenzjali ta’ sistema kummerċjali sostenibbli li tagħti riżultati lin-nies”. (at)