Mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

F’konferenza dwar l-“Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili: atturi ewlenin għall-Futur tal-Ewropa” li saret fil-5 ta’ Novembru 2021, organizzata mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE (bi sħubija mas-Civil Society Europe u bl-appoġġ tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE u l-Kategorija għall-Ħajja fil-Komunità), l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet umbrella tagħhom tennew it-talba tagħhom għal Strateġija tas-Soċjetà Ċivili tal-UE u għal Statut Ewropew għall-Assoċjazzjonijiet. Segwitu adatt għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u djalogu strutturat u regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġew ikkunsidrati bħala aspetti ewlenin għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-politika u għat-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea.

L-organizzazzjonijiet u l-individwi li pparteċipaw kienu determinati biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom għall-prevenzjoni ta’ spazju ċiviku li jkompli jiċkien u jinbidel u biex jenfasizzaw l-importanza ta’ djalogu ċivili effettiv. F’kuntest ta’ sfidi politiċi u ekonomiċi li qed jiżdiedu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-finanzjament – speċjalment għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar – għal protezzjoni legali effettiva, il-bini tal-kapaċità u r-rikors għall-proċeduri ta’ lmenti eżistenti tal-UE ser ikunu kruċjali. Il-parteċipanti appellaw għall-appoġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej.  

Fil-konferenza pparteċipaw kelliema ta’ livell għoli u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivli, u ġew ippreżentati wkoll l-ewwel riżultati ta’ studju tal-KESE dwar “L-implikazzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-ispazju ċiviku”, li twettaq fuq talba tal-Grupp Diversità Ewropa. L-istudju ser jiġi ppubblikat fl-ewwel tliet xhur tal-2022.

Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-konferenza huma disponibbli fis-sit web tal-Grupp Diversità Ewropa. Ser ikunu parti mill-kontribut tal-Grupp għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Aqra l-istqarrija għall-istampa kollha dwar il-konferenza. (jk)