L-UE teħtieġ miżuri effiċjenti u urġenti biex tnaqqas l-emissjonijiet u ssib tarf it-tibdil fil-klima. Għal dan il-għan, il-Pakkett dwar il-Finanzi Sostenibbli ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea għandu l-potenzjal li jistabbilixxi qafas ċar, koerenti u komprensiv li fih tista’ tiżviluppa ekonomija aktar ekoloġika mingħajr effetti ta’ intrappolament.

Fl-Opinjoni mfassla minn Stefan Back u li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Settembru, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri tal-Kummissjoni bil-għan li tistabbilixxi standards għad-definizzjoni ta’ “attività ekonomika sostenibbli”, iżda jinnota li xi elementi jistgħu jippreżentaw sfida kumplessa u għalja, partikolarment għall-SMEs.

Il-Kumitat jistqarr li huwa importanti li jiġu definiti kriterji tekniċi ċari għall-investimenti ekoloġiċi li jikkontribwixxu direttament għall-objettivi klimatiċi tal-Ewropa u li magħhom jistgħu jiġu allinjati l-prattiki tas-setturi tan-negozju kkonċernati u tas-settur finanzjarju. L-istabbiliment ta’ standards li jvarjaw mir-rekwiżiti massimi tal-leġiżlazzjoni tal-UE jista’ joħloq konfużjoni, u għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li dawn ir-rekwiżiti jissaħħu.

“Il-pakkett ta’ miżuri tal-Kummissjoni huwa maħsub biex jippermetti lill-investituri jorjentaw mill-ġdid l-investimenti lejn teknoloġiji u negozji aktar sostenibbli. Neħtieġu għodod effiċjenti, faċilment applikabbli, innovattivi u produttivi li jwasslu għal riżultati rapidi u ċari. Il-valutazzjoni tar-Regolament Delegat dwar it-Tassonomija ta’ Sostenibbiltà għandha titwettaq f’dan l-ispirtu”, saħaq is-Sur Back. (mp)