L-Unjoni Ewropea għaddejja minn mumenti dinamiċi u kruċjali. Hemm bżonn ta’ sforzi koordinati u tas-sinerġija tal-istituzzjonijiet kollha, tal-partijiet ikkonċernati kollha, u taċ-ċittadini Ewropej kollha sabiex nidentifikaw l-istrateġija t-tajba u jirnexxielna nindirizzaw l-isfidi kollha u niksbu riżultati bħala attur dinji b’saħħtu. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu rwol importanti x’jaqdi f’dan il-proċess bħala pjattaforma unika li tlaqqa’ flimkien u tippreżenta l-fehmiet ta’ min iħaddem, tal-impjegati u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar l-aspetti importanti kollha dwar kif niksbu riżultati aħjar meta nimplimentaw il-proġett komuni Ewropew tagħna.

Huwa f’idejn il-presidenza tal-KESE biex tiggwida lill-Kumitat biex jagħżel l-aħjar linja ta’ azzjoni għal kull mandat, iniedi l-prijoritajiet politiċi komuni u jidentifika l-aħjar metodu biex iwettaqhom. Kien ta’ unur u sodisfazzjon kbir li servejt flimkien mal-kollegi ferm apprezzati tiegħi għal dawn l-aħħar sentejn u nofs, u li nħabrek flimkien magħhom biex niksbu dan. L-isforzi konġunti tagħna kienu bbażati fuq it-twemmin sod li kull membru tal-KESE għandu kompetenza, esperjenza u għarfien uniċi u jservi bħala rabta man-negozji u ċ-ċittadini madwar l-Ewropa, filwaqt li huwa rabta immedjata mal-kostitwenza tiegħu jew tagħha fil-pajjiż. Għalhekk, għamilna ħilitna biex il-membri kollha tal-KESE jkollhom l-aħjar ambjent, kundizzjonijiet u appoġġ biex jisfruttaw il-potenzjal u l-kreattività tagħhom, sabiex il-kontributi tagħhom jintużaw bl-aħjar mod u jiġu integrati f’opinjonijiet professjonali, rappreżentattivi u bbilanċjati. L-isforzi tagħna kellhom l-għan li jkollna viżibbiltà akbar, segwitu aktar strutturat u promozzjoni akbar għall-ħidma tagħna madwar l-Ewropa – fost l-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba.

Jien kburi u napprezza li ksibna aktar flimkien, billi għaqqadna l-isforzi tagħna u permezz ta’ tim funzjonali u koerenti sew, bl-impenn li jipprovdi opportunitajiet u kundizzjonijiet indaqs lil kull membru tal-KESE sabiex jingħata kontribut għas-suċċess komuni tal-Kumitat tagħna fil-qadi tal-missjoni tiegħu. U nawgura l-isbaħ xewqat lit-tim presidenzjali li jmiss matul il-mandat il-ġdid!