European Economic
and Social Committee
Is-soċjetà ċivili għandha taħtaf l-okkażjoni biex tesplora direzzjonijiet ġodda b’realiżmu mtejjeb
F’din l-età ta’ trasformazzjonijiet aċċellerati, konna xhieda ta’ kemm jistgħu jkunu fraġli d-demokraziji tagħna, is-soċjetajiet tagħna u l-pjaneta tagħna.
Bdejt il-Presidenza tiegħi f’April 2018, u ħsibt li kellna bżonn nerġgħu niskopru l-ispirtu umanista tar-Rinaxximent biex inħaffu l-vjaġġ tagħna fit-triq lejn Ewropa sostenibbli. Wara l-Brexit u qabel l-elezzjonijiet Ewropej, kont naf li s-soċjetà ċivili kellha rwol importanti x’taqdi biex l-ekonomija timxi lejn mudelli aktar sostenibbli u aktar intelliġenti.
Fi tmiem il-mandat tiegħi dan ix-xahar, ninsab f’pożizzjoni li ngħid li l-Ewropa għal darb’oħra wriet kemm hi reżiljenti. In-nazzjonalisti u l-Ewroxettiċi ġew megħluba fl-elezzjonijiet tal-UE u l-pandemija tal-COVID-19 tat daqqa ta’ ħarta indisputabbli lin-narrattiva falza tagħhom. L-UE ħadet miżuri bla preċedent u fi ftit xhur kissret it-tabùs li kienu stabbiliti sew, ipproteġiet liċ-ċittadini u l-komunitajiet u investiet fi strateġija b’saħħitha għall-futur bl-akbar kunsens li qatt kien hemm.
Illum, ninsab dejjem aktar konvint li t-tliet prijoritajiet tal-Presidenza tiegħi – l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u l-kultura – jibqgħu fil-qalba tar-Rinaxximent għall-Ewropa.
Il-pandemija jista’ jkun li ġiegħlitna nirrealizzaw b'dak li hu għaddej, iżda diġà qed nesperjenzaw it-tibdil fil-klima u temp aktar estrem. Il-pjan ta’ rkupru tal-UE adottat wara l-pandemija tal-COVID-19 huwa opportunità unika biex jiġi evitat l-aħħar tad-dinja u l-Ewropa tinbidel f’mexxejja dinjija fis-sostenibbiltà.
Is-soċjetà ċivili tista’ tkun hi l-mexxejja. Konna l-ewwel fost l-istituzzjonijiet tal-UE li tajna każ Greta Thunberg u l-attivisti żgħażagħ favur il-klima li niżlu fit-toroq jappellaw għall-bidla llum qabel għada. Aħna fil-KESE konna l-ewwel li introduċejna mudelli tal-ekonomija ċirkolari u tal-iżvilupp sostenibbli. Il-kostitwenzi tagħna, flimkien mal-gvernijiet lokali, xorta se jibqgħu minn tal-ewwel biex jimplimentaw il-pjan ta’ rkupru wara l-pandemija, fejn jaħdmu biex jiġi evitat il-kaos. Issa ninsabu lejliet il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li hija opportunità biex flimkien tiggwidana lejn Ewropa ġdida.
Fid-Dikjarazzjoni tiegħu ta’ 70 sena ilu, Robert Schuman qal li l-paċi fid-dinja ma tistax tiġi ssalvagwardjata mingħajr sforzi kreattivi proporzjonati għall-perikli li jhedduha. Qatt, fl-ebda parti tad-dinja, fi kwalunkwe żmien fl-istorja, ma n-nisa u l-irġiel esperjenzaw perjodu daqshekk twil ta’ paċi, stabbiltà u prosperità ekonomika; qatt ma kien hemm daqstant assigurazzjoni ta’ libertajiet u drittijiet kif inhu l-każ bħalissa fl-Ewropa. Iżda, kif kulħadd jaf, ma nistgħux nistrieħu fuq l-unuri tagħna.
L-Ewropa ġiet ittestjata b’għadd ta’ kriżijiet – u issa aktar minn qatt qabel, bil-pandemija mhux mistennija u bla preċedent. Iżda ninsab ċert li għandna biżżejjed enerġija u kreattività biex noħorġu minn dan kollu aktar b’saħħitna, ilkoll flimkien. Issa wasal iż-żmien li nerġgħu niffaċċjaw l-isfida.
Din id-Dar tas-Soċjetà Ċivili Ewropea, li reċentement iċċelebrat is-60 anniversarju tagħha, għandha rwol x’taqdi fi żmien meta hemm kapaċità rinnovata biex ikun hemm enfasi fuq dak li huwa verament importanti, billi tkun aktar miftuħa għall-bidla u tissuġġerixxi modi biex tinbena l-Ewropa “permezz ta’ kisbiet konkreti li l-ewwel joħolqu solidarjetà de facto”, kif qal Schuman.
Ir-rinaxximent ser jinġieb min-nisa u l-irġiel li ma jibżgħux jinnovaw, joħolmu, jimpenjaw ruħhom, jirriskjaw u jikkultivaw sens kollettiv ta’ responsabbiltà, filwaqt li jkunu raġonevoli fl-esplorar ta’ direzzjonijiet ġodda b’realiżmu passjonat u mhux preġudikat.
Luca Jahier
Il-President tal-KESE