Ippubblikat studju ġdid “Insibu kunsens ġdid dwar il-valuri tas-soċjetà ċivili Ewropea u l-valutazzjoni tagħhom”, ikkummissjonat mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

Mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Greċja, l-Ungerija u l-Polonja jikkondividu fehim komuni tal-valuri tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tas-solidarjetà?

L-istudju l-ġdid Insibu kunsens ġdid dwar il-valuri tas-soċjetà ċivili Ewropea u l-valutazzjoni tagħhom, li twettaq mill-European Policy Centre (EPC) għall-KESE fuq talba tal-Grupp tal-KESE Diversità Ewropa, juri li hemm it-tendenza li l-OSĊ fil-pajjiżi koperti mill-istudju jaqblu fuq id-definizzjonijiet ta’ dawn il-valuri, anke jekk huma għandhom interpretazzjonijiet differenti tal-kunċett ta’ solidarjetà meta mqabbel mal-kunċett tad-demokrazija u l-istat tad-dritt.

L-istudju jiżvela wkoll li l-OSĊ jirrikonoxxu r-rwol kruċjali li s-settur ċivili għandu fil-promozzjoni ta’ dawn il-valuri. Madankollu, l-OSĊ jiffaċċjaw diversi sfidi meta jagħmlu dan, b’mod speċjali b’rabta mal-aċċess ristrett għall-finanzjament, il-bidla teknoloġika u ġenerazzjonali u, fuq kollox, ambjenti politiċi sfavorevoli. Il-gvern u s-soċjetà ċivili nnifisha qed isiru aktar konfrontazzjonali, aktar politiċi u inqas miftuħa għal kompromess fil-pajjiżi kollha studjati. L-OSĊ fin-Nofsinhar u fil-Lvant iddeskrivew is-sitwazzjoni, il-perċezzjoni tal-valuri u l-prospettiva futura tagħhom inqas favorevoli mill-OSĊ tal-Punent.

Skont l-istudju, il-futur se jirrikjedi kooperazzjoni u innovazzjoni kemm min-naħa tas-soċjetà ċivili kif ukoll mill-gvernijiet fil-livelli kollha jekk l-OSĊ jridu jkunu kapaċi jiddefendu l-valuri tal-Unjoni Ewropea.

Fit-2 ta’ Settembru, il-President tal-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE, Arno Metzler, ippreżenta l-istudju flimkien ma’ Corina Stratulat, Analista Superjuri tal-Politika tal-EPC, u Paul Butcher, Analista tal-Politika tal-EPC, żewġ awturi tal-istudju waqt attività għall-istampa mill-bogħod.

Ikkonsulta s-sit web tal-KESE sabiex issir taf aktar dwar il-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tal-OSĊ u tat-tim tar-riċerka ppreżentati fl-istudju. L-istudju u s-sommarju eżekuttiv tiegħu kif ukoll stqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli online.