L-istrumentalizzazzjoni tal-migranti sostnuta mill-Istat, li għandha l-għan li tiddestabbilizza lill-UE, u l-influss bla preċedent ta’ refuġjati b’riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna, jagħmluha neċessarja li tiġi riveduta l-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni. Il-KESE jinsisti li s-solidarjetà u l-kondiviżjoni tal-piżijiet fost l-Istati Membri huma meħtieġa sabiex ikun hemm rispons komuni għall-kriżijiet tar-refuġjati. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti s-sikurezza u d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti. 

Fl-Opinjoni tal-KESE dwar L-istrumentalizzazzjoni tal-migranti, adottata fil-plenarja ta’ Ġunju, il-membri enfasizzaw li r-rispons tal-UE għal din it-tattika għandu jkun ibbażat fuq politika komuni, kondiviża u koerenti dwar il-migrazzjoni. 

Ir-regolament speċifiku, imminenti u li ilu mixtieq f’dan il-qasam għandu jipprovdi forma bbażata fuq is-solidarjetà ta’ kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri. 

Speċjalment issa, bil-gwerra fl-Ukrajna u l-flussi massivi ta’ refuġjati, huwa ċar li l-migrazzjoni għandha impatt fuq l-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil għandu jitfassal mill-ġdid sabiex iwassal għall-bidla sistemika meħtieġa biex tiġi żviluppata politika dwar l-ażil u l-migrazzjoni li tkun razzjonali u bbażata fuq id-drittijiet. 

Stefano Palmieri, relatur tal-Opinjoni tal-KESE, enfasizza li: “Issa jeħtieġ li nkomplu naħdmu biex nikkonsolidaw ir-reputazzjoni tal-Ewropa bħala post li jista’ joffri għajnuna umanitarja u jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem”.

Fir-rigward tat-“theddid ibridu” użat minn pajjiżi terzi biex tiġi ttestjata l-unità tal-UE, Pietro Vittorio Barbieri, korelatur tal-Opinjoni tal-KESE, enfasizza li l-bnedmin mhumiex it-theddida iżda pjuttost il-vittmi ta’ tattiċi bħal dawn. 

Il-KESE enfasizza li l-migranti involuti huma vulnerabbli ħafna u jeħtieġu protezzjoni,u insista wkoll li l-għajnuna umanitarja għandha tissodisfa l-istandards meħtieġa skont id-dritt tal-UE u tikkonforma mal-prattiki stabbiliti għall-appoġġ ta’ individwi vulnerabbli. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li għandu jingħata rikonoxximent ġust, sħiħ u immedjat tad-drittijiet tal-migranti strumentalizzati, u li għandhom jiġu evitati żoni griżi jew sitwazzjonijiet ta’ inċertezza amministrattiva. (at)