Il-KESE jiddiskuti l-migrazzjoni mal-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna

Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ospita dibattitu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Margaritis Schinas, li ppreżenta għadd ta’ inizjattivi mistennija taħt il-portafoll tiegħu ta’ “Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna”, inkluż il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, l-Aġenda għall-Ħiliet, il- Programm l-UE għas-Saħħa, u l-Istrateġija l-ġdida ta’ Sigurtà għall-Unjoni.

Il-politika dwar il-migrazzjoni ddominat id-diskussjoni.

"Qed nistennew il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil b’tama kbira imma anke bi tħassib. Nittama li se jwassal għal riforma sostanzjali tas-sistema ta’ Dublin, li għalina lkoll ilha żmien twil ħafna politika tal-UE li swiet il-flus mingħajr ma tat riżultati," qal il-president tal-KESE Luca Jahier lill-Kummissarju Schinas.

Is-Sur Jahier qal li huwa fil-qasam tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni li jidhru sew il-valuri tas-solidarjetà, l-ugwaljanza u l-ġustizzja, jew in-nuqqas tagħhom. Huwa ddeplora s-sitwazzjoni fejn Stati Membri fin-Nofsinhar tal-Ewropa jkollhom jerfgħu piż sproporzjonat filwaqt li ċerti pajjiżi jabdikaw mill-obbligi tagħhom.

Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li tħabbar bħala l-ewwel prijorità għall-Kummissjoni Von der Leyen, kellu jiġi pospost minħabba l-pandemija. Issa ġie pospost sa wara n-negozjati dwar il-baġit imsaħħaħ tal-UE għall-perjodu fit-tul.

Il-Kummissarju Schinas qal li l-Patt il-Ġdid se jkun jipprovdi soluzzjoni olistika, li fost oħrajn jgħaqqad flimkien ġestjoni robusta tal-fruntieri esterni u ġestjoni kondiviża tal-applikazzjonijiet tal-ażil, filwaqt li l-piż jinqasam bejn l-Istati Membri kollha.

Fl-iskambju ta’ fehmiet mal-Kummissarju, il-membri tal-KESE semmew l-importanza tal-inklużjoni soċjali u ekonomika bis-sħiħ tal-migranti kif ukoll il-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-kontribut li jagħtu lis-soċjetajiet u lill-ekonomiji tagħna (ll/ks)