Nixtieq ngħid li għalija l-esperjenza tal-lockdown kienet imħallta. Minn naħa, ix-xogħol mid-dar ippermettieli li nqatta’ aktar ħin mal-familja tiegħi milli stajt nagħmel qabel. Min-naħa l-oħra, kelli nagħmel arranġamenti biex nittrasforma kamra minn dari f’uffiċċju. Xi kultant jista’ jkun frustranti li tqatta’ sigħat twal id-dar, għalhekk ippruvajt inqatta l-ħin permezz tal-passatemp favorit tiegħi: nisma’ l-mużika fuq is-sistema tal-hi-fi li għandi.

Bħala għalliem tal-università, ħassejt in-nuqqas li ninteraġixxi mal-istudenti waqt il-lekċers. Huwa minnu li stajt ninteraġixxi permezz ta’ Zoom jew Panopto, iżda dan mhux l-istess bħal meta nkun fil-klassi.

Minn perspettiva akkademika, tagħlima waħda li slitt hija l-kapaċità li ninteraġixxi online mal-istudenti, u għalkemm nemmen li l-preżenza fiżika fil-klassi hija metodu aħjar ta’ tagħlim, tajjeb li nikkunsidraw it-tagħlim imħallat bħala t-triq ’il quddiem.

Ħadt sehem ukoll f’diversi laqgħat online, u fil-biċċa l-kbira, dawn kienu effettivi daqlikieku konna fiżikament preżenti. Fil-fatt għadd ta’ laqgħat jistgħu jibqgħu jsiru online, inklużi l-laqgħat tal-KESE.

’Il hinn mill-esperjenza personali, il-lockdown ħareġ fid-dieher għadd ta’ realtajiet: kien evidenti li xi attivitajiet ekonomiċi ma kinux sostenibbli u oħrajn ma kinux reżiljenti daqskemm ħsibna li kienu. Għalhekk jeħtieġ nirrevedu l-attivitajiet ekonomiċi, reviżjoni li jmissha ilha li saret, u aktar ma ssir kmieni aktar aħjar. Iżda l-effetti tal-COVID-19 u t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar reżiljenti u sostenibbli x’aktarx li jikkawżaw uġigħ għal ħafna.

Nasal ngħid li kont fost l-ixxurtjati, peress li fi żmien ġimgħa, bejn wieħed u ieħor, stajt naqleb għat-tagħlim online u ninteraġixxi mal-istudenti permezz ta’ Zoom jew Panopto. L-ammont ta’ xogħol li għandi probabbilment żdied, għax ma kellix għalfejn nivvjaġġa bħal qabel. Komplejt niltaqa’ wkoll mal-kollegi l-università u f’postijiet oħrajn online.

Iżda naf b’ħafna li l-linja tax-xogħol tagħhom ġiet interrotta jew waqfet għalkollox. Ħafna minnhom għadhom għaddejjin bl-appoġġ mill-Istat u dak l-appoġġ qed jonqos peress li qed joqrob lejn tmiemu. Kienu ħafna dawk li tilfu xogħolhom, u għalihom, b’mod partikolari, se jkun ferm aktar diffiċli li jsibu x-xogħol, ħafna aktar milli qatt esperjenzaw. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ x’aktarx li se jiżdied, inkluż fost il-gradwati, u jridu jgħaddu mill-inqas sentejn biex l-ekonomiji jerġgħu joqorbu lejn il-livelli tal-2019.

Bħala akkademiku, l-ewwel prijorità tiegħi tkun li nerġa’ nibda nattendi konferenzi fejn nista’ niltaqa’ ma’ kollegi u niddiskuti s-suġġetti ekonomiċi ta’ interess komuni. Il-prijorità li jmiss tkun dik li nibda nżur il-ftit ħbieb entużjasti tas-sistemi tal-hi-fi li għandi hawnhekk f’Malta u naqsmu l-esperjenzi u l-għarfien dwar dawn is-sistemi.