European Economic
and Social Committee
Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE jappella għal Att dwar id-diġitalizzazzjoni taż-żoni rurali
Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
Fil-laqgħa straordinarju tiegħu ta’ Lulju, il-Grupp ta' Min Iħaddem ħeġġeġ lill-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura, Janusz Wojciechowski, jipproponi Att dwar id-diġitalizzazzjoni taż-żoni rurali.
Att dwar id-diġitalizzazzjoni taż-żoni rurali għandu jiffaċilita l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali fl-agrikoltura u ż-żoni rurali, b’hekk tittejjeb l-effettività tal-Politika Agrikola Komuni u l-appoġġ tal-Patt Ekoloġiku tal-UE u l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt.
“Il-kriżi tal-COVID-19 uriet li huwa imperattiv li jingħalaq id-distakk diġitali urban-rurali jekk irridu li d-diġitalizzazzjoni tkun lieva ġenwina għall-iżvilupp sostenibbli fil-kontinent tagħna. L-introduzzjoni tal-fibra u tal-5G huma kruċjali kemm fil-bliet kif ukoll fiż-żoni rurali”, qal il-Viċi President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem Arnold Puech d'Alissac. “Madankollu, il-PAK ma tistax tiffinanzja l-ħtiġijiet kollha taż-żoni rurali, inklużi l-ħtiġijiet diġitali tagħhom. Jeħtieġ li jiġu mobilizzati baġits oħra, sabiex ma jiġux eżawriti l-fondi tal-PAK”, huwa żid jgħid. “Il-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jistgħu jgħinu sabiex jingħalaq id-distakk”, madankollu jeħtieġ li jkollna pjan aktar strutturat, huwa tenna jgħid.
Il-Kummissarju qal li d-diġitalizzazzjoni hija fuq nett tal-aġenda tal-Kummissjoni, u din ġiet riflessa kemm fl-ambizzjoni l-kbira għall-era diġitali, u aktar reċenti fil-proposta għal Kumpass għad-Deċennju Diġitali.
“Id-diġitalizzazzjoni fl-agrikoltura u ż-żoni rurali tista’ titqies bħala instrumentali, li mhux biss issaħħaħ il-kompetittività tas-settur u tal-komunitajiet rurali, iżda tikkontribwixxi wkoll għal bosta objettivi ta’ politika relatati mas-sostenibbiltà. Dan jinkludi, bla dubju, is-sostenibbiltà ambjentali u soċjoekonomika”, qal il-Kummissarju, filwaqt li rrimarka kif it-teknoloġiji diġitali jistgħu jittrasformaw lill-agrikoltura billi jgħinu lill-bdiewa jaħdmu b’mod aktar preċiż, effiċjenti u sostenibbli, pereżempju, bl-użu ta’ nutrijenti u permezz ta’ miżuri favur it-trattament xieraq tal-annimali.
L-Ewropa rurali għandha rwol fundamentali f’din is-sejħa ġdida ta’ wara l-pandemija għall-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà, f’konformità mal-istrateġiji proposti mill-Kummissjoni Ewropea (Tibdil fil-Klima, il-Patt Ekoloġiku tal-UE, Mill-Għalqa sal-Platt, il-Bijodiversità), kif ukoll mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU. Is-settur agroalimentari huwa l-mutur tal-ekonomija Ewropea. L-UE għandha 294 000 kumpanija agroalimentari, li jiġġeneraw fatturat ta’ EUR 1,192 biljun u jimpjegaw 4,72 miljun ruħ, u dan jagħmlu l-akbar settur tal-manifattura fl-UE. Is-settur agroalimentari jibbenefika wkoll minn surplus kummerċjali estern ta’ valur ta’ EUR 36 biljun.
“Il-KESE jappoġġja l-potenzjal kbir tal-innovazzjoni, dment li jiġu allokati riżorsi biżżejjed għall-investiment fl-infrastruttura u għad-diġitalizzazzjoni. Il-bdiewa Ewropej huma lesti li jimpenjaw ruħhom għat-tranżizzjonijiet, iżda huma mhux se jkunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr inċentivi adegwati, mingħajr kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni mal-prodotti importati u mingħajr l-appoġġ għar-reżiljenza”, qal Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem.
Globalment, id-diġitalizzazzjoni hija fattur importanti li żżomm lill-ġenerazzjonijiet iżgħar, inklużi l-bdiewa żgħażagħ u imprendituri oħra, fiż-żoni rurali. “Il-passi li nieħdu fis-snin li ġejjin jridu jittieħdu flimkien. Bħala impjegaturi u imprendituri, it-tmexxija u l-inizjattiva tagħkom se jkunu imprezzabbli fit-triq li nieħdu. Ninsab ħerqan li naħdem mill-viċin magħkom, u konvint li nistgħu niksbu l-għan kondiviż tagħna għal Ewropa għanja u sostenibbli”, żid jgħid il-Kummissarju.
Il-laqgħa kollha mal-Kummissarju Wojciechowski tinsab hawnhekk: https://www.youtube.com/watch?v=nAPQvk8wGXE (dv/kr)