European Economic
and Social Committee
Frans Timmermans jiltaqa’ mal-mexxejja taż-żgħażagħ Ewropej fil-KESE
L-Opinjoni tal-KESE dwar l-involviment strutturat taż-żgħażagħ fir-rigward tal-klima u s-sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE pproponiet l-istabbiliment ta’ Round Table taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà, li tkun ospitata mill-KESE flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.
Il-Kummissjoni laqgħet l-inizjattiva bħala għodda utli biex jissaħħaħ ir-rwol konsultattiv tal-KESE u biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa tingħata opportunità biex tikkondividi l-fehmiet tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-ewwel laqgħa, bi 11-il rappreżentant taż-żgħażagħ, saret fit-13 ta’ Lulju 2021, bil-parteċipazzjoni tal-Viċi President Eżekuttiv Frans Timmermans.
“Grazzi għalikom, is-sens ta’ urġenza fil-popolazzjoni tagħna huwa akbar. Ilkoll kemm aħna rridu naħdmu bla ma nistennew li dan ikun għall-benefiċċju tagħna stess, iżda pjuttost għal dak tal-ġenerazzjonijiet futuri. Xi wħud minnkom jistgħu jaħsbu li mhux qed nagħmlu biżżejjed, iżda nwiegħed li qed nagħmel l-almu tiegħi sa fejn nista’, u nittama li nistgħu nsibu xi bażi komuni biex niġġieldu għas-sewwa”, enfasizza l-Viċi President Timmermans.
Matul il-laqgħa, ir-rappreżentanti żgħażagħ ippreżentaw lis-Sur Timmermans dokument, li ngħata bidu minn Generation Climate Europe u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, bi proposti speċifiċi b’rabta mas-sistema ekonomika tal-UE, inkluż il-ġestjoni tal-UE tar-riżorsi naturali u l-indikaturi tal-progress.
Cillian Lohan, Viċi President tal-KESE kkonkluda: “Din hija opportunità ta’ darba f’ġenerazzjoni biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sistemiċi u ssir tranżizzjoni lil hinn minn prattiki li mhumiex sostenibbli. Madankollu, iż-żgħażagħ jeħtieġu appoġġ. L-ekosistema tal-attiviżmu teħtieġ l-inkoraġġiment, in-nutrizzjoni, u l-ispazju reali fl-arena politika tal-UE. L-ispazji għad-djalogu huma ta’ valur biss jekk jiġu segwiti bl-azzjoni. Ejja nagħmlu dan flimkien!” (mr)