Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Il-kura tas-saħħa għandha tkun iffukata fuq in-nies u meqjusa bħala investiment soċjali, mhux “spiża”, ikkonkludiet konferenza organizzata mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fid-Dar tal-Ewropa fi Stokkolma, fil-25 ta’ Mejju 2023.

Sabiex dan iseħħ, jeħtieġ li jinbidlu l-mentalitajiet soċjali, ekonomiċi u politiċi. Billi jibnu fuq il-kooperazzjoni stabbilita matul il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li jingħaqdu sabiex jibnu sistemi tas-saħħa u tal-kura reżiljenti u sostenibbli li ma jħallu lil ħadd jibqa’ lura u li jagħtu valur lill-ħidma tal-ħaddiema fis-settur tal-kura, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-voluntiera.

Madwar 90 rappreżentant tas-soċjetà ċivili u ta’ istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej attendew il-konferenza.

Fil-ftuħ tal-konferenza, Séamus Boland, President tal-Grupp Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, fakkar li l-aċċess għall-kura tas-saħħa affordabbli u ta’ kwalità huwa dritt taċ-ċittadini tal-UE. Dan ġie maqbul mill-Istati Membri kollha tal-UE bl-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fl-2017, iddikjara s-Sur Boland, u huwa żid jgħid li dan ġie mtenni miċ-ċittadini fl-2021, meta appellaw għad-“Dritt għas-Saħħa” fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Is-Sur Boland enfasizza wkoll li sabiex tiġi pprovduta kura tas-saħħa kwalitattiva għal dawk l-aktar vulnerabbli – kemm jekk huma persuni akbar fl-età, żgħażagħ, jew persuni b’diżabilità – jeħtieġ li jinbnew sistemi tas-saħħa u tal-kura reżiljenti u kwalitattivi.

Lena Hallengren, Membru tal-Parlament u eks Ministru għas-Saħħa u l-Politika Soċjali tal-Iżvezja (2019-2022), fid-diskors tagħha rriflettiet dwar il-miżuri li l-gvern Żvediż ħa bħala rispons għall-pandemija. Hija qalet li: “Fir-rigward tal-miżuri li għażilna li nieħdu, l-Iżvezja spiss ġiet deskritta fil-midja internazzjonali bħala każ partikolari.  Madankollu, rajna li l-miżuri li ħadna kellhom effett suffiċjenti meta n-nies żammew id-distanza u żammew lura milli jżuru postijiet pubbliċi. U filwaqt li pajjiżi oħra għalqu l-iskejjel tagħhom, tagħna baqgħu miftuħa. Dan għaliex għarafna kemm hija importanti l-iskola għat-tfal u għaż-żgħażagħ fit-trobbija tagħhom, speċjalment dawk li ġejjin minn sfondi b’mezzi limitati.”

Kompli aqra, żur is-sit web tagħna