Fil-jum Dinji għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol 2023, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew stieden lill-Unjoni Ewropea tadotta leġiżlazzjoni vinkolanti biex tipprevjeni r-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol. Hemm evidenza dejjem akbar li tindika l-fatt li x-xogħol prekarju qed ikollu impatt sinifikanti fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema.

Fis-27 ta’ April, il-KESE ppreżenta l-Opinjoni tiegħu dwar Xogħol prekarju u saħħa mentali waqt dibattitu mas-Segretarju tal-Istat Spanjol għax-Xogħol u l-Ekonomija Soċjali, Joaquín Pérez Rey.

Ir-relatur għall-Opinjoni, José Antonio Moreno Díaz, tenna li hemm evidenza ċara li x-xogħol prekarju jżid il-probabbiltà li s-saħħa mentali tal-ħaddiema tiddeterjora, u b’hekk din issir kwistjoni ta’ saħħa pubblika.

Ix-xogħol prekarju – li jkopri aspetti bħan-nuqqas ta’ sigurtà tal-impjiegi, il-kuntratti temporanji li jisfruttaw il-ħaddiema, is-sigħat twal tax-xogħol u l-inabbiltà ta’ ppjanar tal-ħin tax-xogħol – jikser id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u għandu jinqered u jiġi miġġieled fil-forom kollha tiegħu. Huwa għalhekk li l-KESE appella favur l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti fil-livell tal-UE kif ukoll għall-iżvilupp u l-immodernizzar tad-Direttiva dwar is-Sigurtà u s-Saħħa tal-Ħaddiema fuq ix-Xogħol (89/391/KEE).

“Jeħtieġ li jkollna ambjent tax-xogħol ta’ kwalità għolja li ma jkunx sors ta’ tbatija fiżika jew psikoloġika. Għandna bżonn direttiva speċifika tal-UE dwar ir-riskji psikosoċjali," qal is-Sur Moreno Díaz.

Il-President tal-KESE Oliver Röpke qal: “Dan il-Kumitat kien impenjat li jikkontribwixxi għall-avvanz tal-aġenda soċjali tal-UE u biex tinbena Ewropa sostenibbli u kompetittiva lesta għas-seklu 21. Dan ifisser, fost l-oħrajn, kundizzjonijiet deċenti fis-suq tax-xogħol, appoġġ għall-involviment tal-ħaddiema u l-ġlieda kontra x-xogħol prekarju.” (ll)