European Economic
and Social Committee
Ir-restawr taċ-ċikli tal-karbonju sostenibbli: il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni Ewropea
F’Opinjoni adottata fil-plenarja ta’ Mejju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċikli tal-karbonju sostenibbli u jgħid li jemmen li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) trid tipprovdi l-qafas strateġiku li jwitti t-triq għal tranżizzjoni lejn livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-agrikoltura.
B’reazzjoni għall-urġenza tal-azzjoni klimatika, l-Unjoni Ewropea naqqxet il-mira tan-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050 fil-leġiżlazzjoni. Biex tinkiseb din il-mira ambizzjuża għandhom jiġu stabbiliti ċikli tal-karbonju sostenibbli u reżistenti għall-klima permezz ta’ azzjonijiet ewlenin bħar-riċiklaġġ tal-karbonju mill-flussi ta’ skart, minn sorsi sostenibbli ta’ bijomassa jew direttament mill-atmosfera u billi jiżdiedu s-soluzzjonijiet għat-tneħħija tal-karbonju li jaqbdu d-diossidu tal-karbonju (CO2) mill-atmosfera u jaħżnuh fit-tul.
“Biex tinstab soluzzjoni għan-newtralità karbonika hemm bżonn li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet sera, jinstabu alternattivi ekoloġiċi għall-karbonju fossili u jiżdiedu l-bjar ta’ karbonju”, qal ir-relatur tal-Opinjoni, Arnold Puech d'Alissac. Huwa żied jgħid li l-KESE jappoġġja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċikli tal-karbonju, li tipproponi żewġ soluzzjonijiet għat-tneħħija u s-sekwestru tal-karbonju: soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura (jiġifieri s-sekwestru tal-karbonju) u soluzzjonijiet teknoloġiċi industrijali.
Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tadotta approċċ olistiku f’dan ir-rigward: iż-żieda tal-bjar ta’ karbonju u l-akbar sostituzzjoni possibbli tal-karbonju fossili se jeħtieġu żieda fil-bijomassa prodotta, b'impatt fuq is-settur tal-art. Is-settur tal-art jista’ jiġi involut b’mod attiv fil-ġlieda kontra t-tisħin globali u fl-istess ħin jikkontribwixxi għal tranżizzjoni usa’ għal sistema alimentari sostenibbli.
Is-sekwestru tal-karbonju m’għandux jiġi kkunsidrat biss bħala opportunità kummerċjali, iżda wkoll bħala element ewlieni tal-agrikoltura Ewropea fil-futur u bħala għodda għall-azzjoni klimatika: il-krediti tal-karbonju għandhom jagħtu rimunerazzjoni għal servizz, jiġifieri s-sekwestru tal-karbonju atmosferiku, iżda għandhom ukoll jappoġġjaw it-tranżizzjoni karbonika tas-settur agrikolu.
Il-Kumitat jenfasizza wkoll ir-rwol essenzjali li l-PAK trid taqdi biex tipprovdi l-qafas politiku li jwitti t-triq għat-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-agrikoltura, jiġifieri settur agrikolu li jarmi anqas u li jissekwestra aktar emissjonijiet. Madankollu, il-KESE jenfasizza wkoll li l-ħżin tal-karbonju ma għandux ikun kundizzjont tal-PAK, iżda li għandu jitwaqqaf u jinżamm suq speċifiku għalih. Il-KESE jqis li l-iżvilupp tas-sekwestru tal-karbonsju se jirrikjedi qafas legali ċar li huwa kondiviż mill-Istati Membri, u li jqis id-differenzi fil-livell ta’ investiment u ta’ appoġġ li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu. (ks)