European Economic
and Social Committee
Is-soċjetà ċivili għandha tingħata rwol attiv fid-difiża tal-valuri tal-UE
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wiegħed l-impenn kontinwu tiegħu li jaħdem flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE biex jiddefendi u jimplimenta l-valuri ewlenin tal-UE, b’mod partikolari l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija.
F’dibattitu mal-Kummissarju Ewropew, Didier Reynders, dwar il-valuri Ewropej waqt is-sessjoni plenarja tal-10 ta’ Ġunju, il-KESE talab aktar involviment demokratiku tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u taċ-ċittadini fil-livell tal-UE, bil-ħsieb li l-parteċipazzjoni tagħhom testendi lil hinn mill-elezzjonijiet u biex jiġi ffaċilitat djalogu ċivili sinifikanti. Il-membri tal-KESE saħqu b’mod partikolari wkoll biex id-drittijiet soċjali u ekonomiċi jiġu rikonoxxuti bħala drittijiet fundamentali fl-UE.
Fil-plenarja, il-KESE ppreżenta u adotta l-Opinjonijiet tiegħu dwar Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (EDAP) u dwar Strateġija ġdida għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fejn ta l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni mmirati biex jipproteġu l-valuri demokratiċi u d-drittijiet taċ-ċittadini fl-UE.
Il-president tal-KESE, Christa Schweng qalet: “Kullimkien hemm sfidi għall-valuri tal-UE; il-valuri ma jistgħux jitqiesu bħala ħaġa ċerta, anke f’pajjiżi bi tradizzjonijiet demokratiċi stabbiliti sew. Is-soċjetà ċivili għandha ħafna aspettattivi f’termini ta’ rispons tal-UE, u trid li jkollha involviment attiv fid-diskussjonijiet nazzjonali u Ewropej dwar id-difiża ta’ dawn il-valuri.”
Is-Sur Reyners qal: “Ħafna mill-problemi se jirrikjedu approċċ tas-soċjetà sħiħa u kooperazzjoni internazzjonali, fi sforz ikkoordinat mill-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, ir-riċerkaturi u l-verifikaturi tal-fatti, is-settur privat, il-midja u ċ-ċittadini. Nilqa’ bi pjaċir din il-kooperazzjoni siewja mal-Kumitat tagħkom f’dan ir-rigward.”
Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-istrateġija rigward il-Karta, il-KESE talab miżuri biex jipproteġu u jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li għandhom jinkludu mekkaniżmu ta’ allert għad-detezzjoni u r-rappurtar ta’ fastidju. Talab li l-imsieħba soċjali jingħataw rwol akbar fil-promozzjoni u l-implimentazzjoni tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta.
Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-EDAP, il-KESE rrakkomanda li l-Kummissjoni żżid pilastru separat għall-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, u għall-promozzjoni tad-demokrazija fil-qasam tax -xogħol. Huwa qal li kien diżappuntat li l-EDAP naqas milli jindirizza r-rwol importanti tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv biex inaqqsu l-inugwaljanzi u jinkoraġġixxu lill-Ewropej iħaddnu ideali demokratiċi. (ll)