F’rapport reċenti, il-KESE qal li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti mill-qrib fin-negozjar ta’ ftehimiet ġodda ta’ kummerċ ħieles fil-politika kummerċjali l-ġdida tal-UE. 

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom jingħataw siġġu fin-negozjati għall-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-benefiċċji ta’ din il-politika jitqassmu ġenwinament fost il-parteċipanti kollha, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba. 

Fi Frar 2021, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet politika kummerċjali ġdida miftuħa, sostenibbli u assertiva, li permezz tagħha l-UE ssir aktar stretta fil-konfront tal-imsieħba kummerċjali tagħha u tagħti importanza ewlenija lis-sostenibbiltà. Il-KESE huwa tal-fehma, madankollu, li hemm għadd ta’ prerekwiżiti għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika.

F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja adottata fil-plenarja tal-KESE f’Marzu, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li jinħtieġ qafas ġdid għall-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u investiment, sabiex jiġu inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u, fl-istess ħin, ikun hemm sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.

Stefano Palmieri, membru tal-KESE u relatur għall-Opinjoni, enfasizza li:tinħtieġ metodoloġija ġdida ta’ negozjar, li tistabbilixxi pjan direzzjonali ġdid, li jipprevedi l-involviment attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fl-istadji kollha tan-negozjati.

Il-KESE kkritika d-diversi għodod ta’ negozjar użati mill-UE, u jemmen li wasal iż-żmien li titfassal strateġija ġdida għan-negozjar, bi standards u proċeduri ġodda biex jiġi żgurat l-involviment wiesa’ u kostruttiv tas-soċjetà ċivili u tal-imsieba soċjali. L-ewwel pass lejn dan ikun l-iffirmar ta’ memorandum ta’ qbil bejn il-partijiet fin-negozjati, li jiggarantixxi li ż-żewġ partijiet jikkompletaw l-istadji varji tan-negozjati. It-tieni pass huwa r-riforma fil-fond tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi. L-Opinjoni tissuġġerixxi li kull ftehim iffirmat irid iħaddan protokoll dwar il-funzjonament tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi.

Dan il-proċess ta’ riforma doppja se jibni fuq il-politika kummerċjali l-ġdida tal-UE u jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.