European Economic
and Social Committee
Il-pjani ta’ rkupru tal-UE jeħtieġ jindirizzaw il-lakuni li kixfet il-kriżi tal-COVID-19
Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
Dan ix-xahar, il-Kummissjoni Ewropea żvelat ir-rieżami tant mistenni tagħha tal-istrateġija industrijali. Iżda, aktar minn strateġiji, dak li l-kumpaniji jeħtieġu huwa azzjoni rapida biex tgħin lill-Ewropa tikseb lura l-kompetittività u t-tkabbir tagħha.
Bħalissa, l-Ewropa qatgħet lura sew wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku. U anke jekk it-tbassir għar-rebbiegħa 2021 ta’ dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea jidher aktar ottimist, l-impjegaturi huma konvinti li l-attività ekonomika mhux se tieħu r-ruħ mil-lum għall-għada lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi.
M’hemm ebda sigriet għat-triq lura lejn it-tkabbir u l-kompetittività. Il-pjani ta’ rkupru tal-UE jeħtieġ jindirizzaw il-lakuni li kixfet il-kriżi tal-pandemija. Id-dipendenza żejda fuq ċerti ktajjen tal-provvista jeħtieġ tiġi indirizzata. Għandna bżonn aktar diversifikazzjoni biex inżommu l-kompetittività u nibnu fuqha.
Barra dan, neħtieġu ekosistema ta’ innovazzjoni aktar koerenti u li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-SMEs u ttejjeb l-aċċess għar-reġjuni li huma f’pożizzjoni inqas favorevoli biex jirpiljaw mill-konsegwenzi ekonomiċi ħżiena ħafna tal-pandemija. Flimkien mal-innovazzjoni, l-industrija għandha bżonn enerġija rħisa, permezz tal-iżvilupp ta’ mudelli ġodda għas-suq tal-elettriku u permezz tal-promozzjoni tat-tranżizzjoni enerġetika lejn fjuwil aktar nadif.
Fl-aħħar imma mhux l-inqas, iċ-ċittadini u n-negozji jeħtieġ ikollhom sjieda ta’ din l-aġenda tat-trasformazzjoni għal irkupru. Il-proċess se jżid ir-ritmu tiegħu biss jekk in-nies ikunu lesti li jimpenjaw ruħhom fit-tranżizzjoni. M’għandniex żmien x’nitilfu u l-ebda strateġija mhi se tirnexxi jekk ma jkollhiex l-appoġġ tas-soċjetà.
Allura, ladarba għandna l-istrateġija, hemm bżonn nagħrfu mill-ġdid is-sens ta’ urġenza li nwettqu l-bidla, speċjalment jekk irridu nilħqu l-ogħla rati ta’ tkabbir u kompetittività. Il-proċess se jkun triq għat-telgħa, iżda rridu nirnexxu.
Issa li l-KESE qed iħejji l-Opinjoni tiegħu dwar “Aġġornament tal-istrateġija industrijali l-ġdida għall-Ewropa”, taħt it-tmexxija tar-relatur Sandra Parthie, ninsabu fiduċjużi li din il-ħidma se toffri argumenti siewja li jinfluwenzaw kemm lill-Parlament kif ukoll lill-Kunsill. Dan se jippermettilna ngħaddu mill-istrateġija għall-azzjoni.