Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) beħsiebu jaqdi rwol attiv fl-isforzi konġunti Ewropej biex il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġu tradotti f’azzjoni u biex tinbena Ewropa aktar ġusta u aktar prospera għal kulħadd.
Waqt il-parteċipazzjoni fil-Konferenza ta’ Livell Għoli tas-Summit Soċjali ta' Porto, li saret mill-presidenza Portugiża tal-UE fis-7 ta' Mejju, ir-rappreżentanti tal-KESE esprimew id-dedikazzjoni tal-Kumitat li jrawwem rikostruzzjoni ekonomika u soċjali billi jpoġġi lin-nies fil-qalba tal-politiki.
Il-KESE se jaħdem flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, Stati Membri u ċittadini biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dawn jinkludu li tingħata spinta lill-impjiegi, tissaħħaħ l-edukazzjoni u jitnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali.
"Permezz tal-azzjonijiet tagħna, nistgħu kemm inwasslu għall-irkupru tal-Ewropa, inkella nistgħu nkunu aktar ambizzjużi u niksbu għaliha l-prosperità! Biex dan iseħħ, għandna noħolqu l-kundizzjonijiet biex il-prosperità rikka tal-UE tkun dik fl-impjiegi", qalet il-President tal-KESE Christa Schweng. “Għandna niżguraw ukoll li ċ-ċittadini kollha jiġu appoġġjati u li tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom, li jkollhom ħiliet rilevanti għax-xogħol u l-ħajja, sabiex ikunu jistgħu jħarsu lejn il-futur b’kunfidenza. Tistgħu sserrħu fuq l-impenn tagħna biex nuru li l-UE u l-Istati Membri jistgħu jaġixxu flimkien maċ-ċittadini tagħhom u jtejbu l-ħajja tagħhom, u b’hekk ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.”
Minbarra l-President, id-delegazzjoni tal-KESE fis-summit kienet tinkludi l-presidenti tat-tliet gruppi tal-KESE: Stefano Mallia (il-Grupp ta’ Min Iħaddem), Oliver Ropke (il-Grupp tal-Ħaddiema) u Seamus Bolland (Diversità Ewropa).
Id-delegazzjoni tal-KESE ħadet sehem fis-sessjonijiet ta’ ħidma tas-Summit, miġburin madwar suġġetti relatati mal-għanijiet proposti tal-Pjan ta' Azzjoni: 1) ix-xogħol u l-impjieg, 2) il-ħiliet u l-innovazzjoni, u 3) l-istat soċjali u l-protezzjoni soċjali.
Imqiegħed bħala mument kruċjali tal-Presidenza Portugiża tal-UE, is-Summit Soċjali ta’ Porto għall-ewwel darba ġabar flimkien l-imsieħba soċjali mal-istituzzjonijiet Ewropej biex jissottoskrivu għall-ftehim dwar dak li għandu jkun il-futur tal-Ewropa soċjali.
Il-Konferenza ta’ Livell Għoli tiegħu ffokat fuq l-aħjar mod biex jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, imħabbar mill-UE f’summit preċedenti f’Gothenburg fl-2017. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jinkludi sett ta’ 20 prinċipju li għandhom jgħinu biex tinbena Ewropa aktar b’saħħitha, aktar ġusta u aktar inklużiva li toffri opportunitajiet indaqs liċ-ċittadini kollha tagħha. (ll)