L-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali proposti mill-Kummissjoni Ewropea sabiex titrażżan is-setgħa dejjem tikber tal-ġganti diġitali fl-Ewropa huma, fil-fehma tal-KESE, adattati għall-iskop, dment li dawn jimxu id f’id mat-tassazzjoni tal-kumpaniji tat-teknoloġija, ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-ħaddiema tal-pjattaformi u mal-governanza tad-data.

F’pakkett ta’ Opinjonijiet adottati fis-sessjoni plenarja ta’ April, il-KESE ddikjara li huwa favur l-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali proposti mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni fuq l-internet.

L-Att dwar is-Swieq Diġitali huwa att leġiżlattiv tant mistenni. “Ir-rappreżentanti tal-UE ilhom aktar minn għaxar snin jappellaw għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fir-rigward tal-pjattaformi online kbar”, qalet Emilie Prouzet, relatur tal-KESE tal-Opinjoni dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali. “Permezz tal-Att dwar is-Swieq Diġitali, il-Kummissjoni Ewropea qed tintroduċi proċess imfassal speċifikament għal dawn l-atturi kbar ħafna. Aħna għalhekk nappoġġjaw, bħala soluzzjoni tajba għall-Ewropa, il-biċċa l-kbira ta’ dak li qed jiġi propost. L-Att dwar is-Swieq Diġitali huwa dwar gwardjani tal-aċċess online (online gatekeepers), dan biss hu l-qofol tiegħu – madankollu, diġà huwa ħafna!”

Għalkemm jappoġġja l-Att dwar is-Swieq Diġitali inġenerali, il-KESE jinsisti dwar il-ħtieġa li din l-ekosistema legali tiġi kkompletata permezz ta’ regolamenti li jindirizzaw il-kwistjonijiet kruċjali l-oħra dwar l-ekonomija diġitali.

Il-Kumitat iwiegħed li jibqa’ b’seba’ għajnejn fuq il-leġiżlazzjoni ppjanata li tkopri t-tassazzjoni tat-teknoloġija kbira (Big Tech), il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi, il-protezzjoni tal-konsumatur fuq is-swieq globali u kwistjonijiet ta’ sfida oħrajn li jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jibbenefika – kemm il-konsumaturi u l-ħaddiema, kif ukoll in-negozji.

Il-KESE huwa wkoll favur, b’mod ġenerali, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, li għandu l-għan li jirregola s-servizzi li qegħdin isawru u jitrasformaw il-mod kif in-nies jikkommunikaw, jikkonekktjaw, jikkunsmaw u jagħmlu negozju.

Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li jiġu appoġġjati l-isforzi tal-Kummissjoni li żżomm regoli uniformi fil-pajjiżi kollha tal-UE, bil-għan li l-leġiżlazzjoni tkun “lesta għall-era diġitali”, b’hekk l-Ewropa jkollha influwenza akbar fix-xena globali.

“Jeħtiġilna nipprevjenu li s-suq intern jiġi frammentat minħabba l-proliferazzjoni ta’ regoli u regolamenti nazzjonali li jistgħu jimminaw is-sistema u jipprevjenu lill-kumpaniji Ewropej kollha milli jibbenefikaw minn suq uniku b’saħħtu”, qal Gonçalo Lobo Xavier, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali.

Il-KESE jsostni li regoli komuni huma wkoll opportunità għall-Ewropa sabiex tistabbilixxi l-istandards globali li jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni fir-rigward tal-prodotti u l-kontenut online, l-istess bħall-GDPR fir-rigward tal-protezzjoni tad-data.

Peress li d-data qed issir iż-“żejt il-ġdid” fl-ekonomija tal-lum li qed issir dejjem aktar diġitali, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda wkoll tintervjeni permezz ta’ miżuri sabiex tħeġġeġ il-kondiviżjoni ta’ data sikura skont regoli komuni madwar l-Ewropa.

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa r-Regolament dwar il-governanza tad-data.

“Din il-leġiżlazzjoni toffri possibbiltà interessanti li jiġi promoss perkors Ewropew ta’ diġitalizzazzjoni, peress li bħalissa l-UE hija l-unika organizzazzjoni li qiegħda tqis bir-reqqa u fid-dettall dwar kif tiġi ġestita d-data diġitali”, qal Giuseppe Guerini, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar il-proposta dwar il-governanza tad-data. “Ma rridux nieħdu t-triq ta’ liberalizzazzjoni eċċessiva, u fl-istess ħin irridu niżguraw li d-data ma tintużax għal finijiet li mhumiex awtorizzati miċ-ċittadini. Inħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea tkompli f’din it-triq bl-appoġġ meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ din is-sistema ta’ governanza tad-data”. (dm)