European Economic
and Social Committee
Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022: Il-KESE jitlob rwol akbar fl-identifikazzjoni tax-xejriet u r-riskji futuri tal-UE
F’Marzu li għadda, b’reazzjoni għar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar ix-xejriet u l-kwistjonijiet li għandhom jiġu sorveljati, il-KESE enfasizza li seta’ kkontribwixxa aktar kieku kien involut mill-bidu nett tal-eżerċizzju ta’ prospettiva.
L-Opinjoni tal-KESE dwar ir-Rapport ta’ Strateġija Prospettiva 2022, li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu, tenfasizza li l-KESE jista’ jsaħħaħ l-kapaċita ta’ analiżi u ta’ prospettiva tal-UE. Il-Kumitat, li josserva u jisma’ lis-soċjetà ċivili, jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifika xejriet emerġenti. Biex juri dan, il-KESE ta wkoll kontribut bikri għar-rapport ta’ prospettiva strateġika 2023 li jmiss.
Ir-relatur, Angelo Pagliara, spjega wħud mill-kunsiderazzjonijiet tal-Opinjoni: “Ħafna mill-kwistjonijiet fir-rapport tal-Kummissjoni diġà ġew indirizzati mill-KESE fl-Opinjonijiet tiegħu fis-snin preċedenti. Il-KESE għandu għarfien espert u esperjenza b’saħħithom ħafna. Għalhekk, irrikorru għandna, involvuna aktar, għaliex il-kontribut tagħna huwa siewi ħafna”.
Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 janalizza liema huwa l-aħjar mod biex jiġu allinjati l-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE u l-għanijiet diġitali tagħha, li potenzjalment jistgħu jkunu kunfliġġenti, u jidentifika l-għaxar oqsma ewlenin fejn jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġu masimizzati s-sinerġiji u l-konsistenza. F’dan ir-rigward, il-KESE jappella għal aġenda ta’ prospettiva strateġika li tkun immirata lejn mudell ta’ żvilupp ġdid li jikkombina s-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali, u jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tiegħu.
Waħda mid-dgħufijiet ewlenin li l-KESE osserva fir-rapport tal-2022 hija n-nuqqas ta’ stampa ċara tar-riskji u x-xenarji f’każ li l-UE tonqos milli tilħaq l-għanijiet tagħha fir-rigward tad-disponibbiltà tal-materja prima, tal-metalli tal-materjali tal-art rari, u tar-riżorsi tal-ilma.
B’ħarsa ’l quddiem għar-rapport ta’ prospettiva strateġika 2023 li jmiss, li l-Kummissjoni mistennija li tippubblika fit-tieni kwart tal-2023 u li se jiffoka Ewropa sostenibbli mil-lat soċjali u ekonomiku, il-KESE identifika l-oqsma li ġejjin li jeħtieġu attenzjoni speċjali:
- is-sistemi ta’ provvista u r-reżiljenza tas-settur agroalimentari tal-Ewropa;
- il-promozzjoni ta’ sistema industrijali Ewropea b’saħħitha, koeżiva u innovattiva li tkun kapaċi toħloq impjiegi ta’ kwalità;
- Il-ħtieġa li tinkiseb awtonomija strateġika tal-enerġija u li jiġu appoġġjati n-negozji u l-ħaddiema, fid-dawl ta’ dak li sar matul il-kriżi tal-pandemija. (dm)