European Economic
and Social Committee
Kull xahar nippreżentaw mistieden sorpriża, persuna magħrufa li tagħtina l-perspettiva tagħha dwar ġrajjiet kurrenti: nifs ta’ arja friska biex inwessgħu l-orizzonti tagħna, jispirana u jagħmilna aktar konxji tad-dinja tal-lum. Għall-edizzjoni ta’ Marzu bi pjaċir nilqgħu lil Herman van Rompuy, l-ewwel president tal-Kunsill Ewropew, li se joffrilna perspettiva dwar l-isfidi attwali tal-Ewropa.
Herman Van Rompuy, president tal-European Policy Centre, huwa politiku Belġjan u Ewropew, u ex prim ministru tal-Belġju (2008-2009). Fil-kapaċità tiegħu bħala president tal-Kunsill Ewropew (2009-2014), kellu rwol ewlieni fir-rispons tal-UE għall-kriżi finanzjarja u fit-tisħiħ tal-qafas tal-governanza ekonomika Ewropea.
Bħala l-president tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy għen biex l-Unjoni Ewropea titmexxa waqt perjodu ta’ sfidi kbar: il-kriżi tad-dejn sovran; theddid għas-sopravivenza tal-munita unika; kriżijiet internazzjonali; u dibattiti ewlenin dwar kif għandha timxi ’l quddiem l-integrazzjoni Ewropea.
Huwa ppresieda 28 laqgħa tal-Kunsill Ewropea, 5 laqgħat informali, u 11-il summit Ewropew, fejn sab bilanċ bejn ir-rwol tiegħu bħala medjatur u l-ħtieġa li jagħti spinta lir-riformi neċessarji. Huwa kellu rwol importanti fit-tnedija tal-programmi ta’ għajnuna finanzjarja (tmien pajjiżi) u tal-mekkaniżmi (il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja fl-2010, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà fl-2012), l-unjoni bankarja (il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, it-tnejn li huma attivi mill-2014 ’l hawn), il-qafas għal governanza ekonomika (is-Semestru Ewropew, is-Six-pack, it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, it-Two-pack) u l-istrateġija ekonomika ta’ 10 snin tal-Unjoni (Ewropa 2020).
Huwa l-awtur ta’ disa’ kotba, u f’wieħed minnhom, Europe in the storm: promise and prejudice (2014), huwa jiddeskrivi l-esperjenza tiegħu fi ħdan l-UE. Huwa wkoll irċieva bosta unuri u premjijiet, inkluż il-Premju Charlemagne (2014). Huwa l-awtur ta’ għadd kbir ta’ haiku u, bis-saħħa tal-ġentilezza tiegħu, il-qarrejja ta’ KESE Info ser ikollhom l-opportunità li jsiru jafu xi wħud minnhom. (ehp)