European Economic
and Social Committee
Il-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija: L-UE għandha tappoġġja lill-konsumaturi u lin-negozji
Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija għandu jkollu l-għan li jipproteġi lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji kollha li qed jiffaċċjaw problemi kbar biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Opinjoni tal-KESE dwar Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2023 adottata waqt il-plenarja tiegħu ta’ Jannar.
Il-KESE jappoġġja l-proposta f’żewġ livelli tal-Kummissjoni Ewropea biex tipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli: sa ċertu livell ta’ konsum tal-enerġija, il-konsumaturi vulnerabbli se jħallsu taħt il-prezz tas-suq.
Madankollu, il-Kumitat iwissi li din il-politika għandha tkopri kemm lill-persuni taħt il-linja tal-faqar kif ukoll lil dawk fin-naħa t’isfel tal-klassi medja, li wkoll isibuha diffiċli biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom skont il-prezzijiet tas-suq.
Ir-relatur tal-Opinjoni, Petru Sorin Dandea, qal: “Ix-xitwa tal-2022 u l-2023 ħolqot problemi kbar fl-Unjoni. Biex verament tipproteġi d-djar vulnerabbli mill-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija, il-politika fuq żewġ livelli tal-Kummissjoni trid tkun inklużiva”.
Sabiex jiġi evitat l-għeluq tal-attivitajiet tan-negozju, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet u jħeġġiġhom jużaw il-mezzi kollha possibbli biex jgħinu, b’mod partikolari, lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.
Biex irażżan iż-żieda fl-inflazzjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew uża l-għodod tal-politika monetarja, iżda din tista’ tirnexxi biss jekk tkun ikkoordinata mal-politika fiskali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. (mp)