Mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

Hekk kif bdiet il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-membri Franċiżi tal-Grupp Diversità Ewropa jaqsmu l-aspettattivi tagħhom dwar dan is-semestru, mit-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea sal-bidla fl-enfasi minn fuq l-UE għal fuq iċ-ċittadini tal-UE.

Fl-1 ta’ Jannar 2022, Franza ħadet f’idejha l-Presidenza ta’ sitt xhur tal-Kunsill tal-UE. Waħda mill-prijoritajiet tagħha se tkun it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea. Il-programm tal-Presidenza Franċiża tfassal abbażi ta’ tliet objettivi ewlenin, fosthom Ewropa aktar umana li tisma’ t-tħassib taċ-ċittadini fil-qafas tal-Konferenza li għaddejja bħalissa dwar il-Futur tal-Ewropa.

Il-KESE, li jirrappreżenta lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jappoġġja dan l-objettiv u huwa involut b’mod attiv fil-Konferenza. Il-membri Franċiżi tal-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE għandhom ħafna aspettattivi.

Dominique Gillot (FG PEP, CNCPH) tistenna li “tiġi affermata mill-ġdid l-idea ta’ Ewropa inklużiva, f’termini ta’ solidarjetà u saħħa, il-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini u li tingħata attenzjoni speċjali lil persuni li jgħixu b’diżabbiltà u lill-anzjani”.

Patricia Blanc (Imagine for Margo – Children without cancer) temmen li l-virus tal-COVID-19 qiegħed is-saħħa fil-qalba tat-tħassib pubbliku. Hija tħeġġeġ: “Ejja ma ninsewx li l-kanċer u l-mard rari jaffettwaw lil miljuni ta’ nies fl-Ewropa kull sena”.

Joël Destom (MIAG, AG2R La Mondiale) jittama li “l-kliem ewlieni tal-Presidenza Franċiża, li huwa l-irkupru, l-appartenenza, is-setgħa, u l-kwistjonijiet soċjali, diġitali u klimatiċi, jidwi saħansitra aktar fit-territorji ekstra-Ewropej”.

Arnaud Schwartz (FNE) irid li l-Presidenza Franċiża tkun “ambizzjuża fi kliemha iżda wkoll fl-azzjonijiet tagħha, billi timplimenta b’mod korrett il-leġiżlazzjoni ambjentali”.

Laurence Sellos (Kamra tal-Agrikoltura ta’ Seine-Maritime) tibża’ li, fl-istat attwali tiegħu, il-Patt Ekoloġiku fil-qasam tal-agrikoltura se jnaqqas drastikament il-produzzjoni Ewropea. “Inħeġġu lill-Presidenza Franċiża tirrevedi din il-pożizzjoni biex ix-xjenza tgħin lill-agrikoltura tħaffef it-tranżizzjoni agroekoloġika tagħha u tgħinna nindirizzaw l-isfida tat-tibdil fil-klima,” qalet is-Sinjura Sellos.

Fl-aħħar, Thierry Libaert (FNH) jemmen li “l-Ewropa tirrappreżenta ambizzjoni formidabbli li tilfet il-momentum u mhijiex trasparenti.” Huwa qal: “Il-Presidenza Franċiża tal-UE hija opportunità eċċellenti biex iċ-ċittadini jingħaqdu mill-ġdid mal-Ewropa. Għalhekk ejja nitkellmu inqas dwar l-Ewropa u iktar dwar l-Ewropej.”

Żur is-sit web tal-Kumitat biex issir taf aktar dwar il-ħidma tal-Grupp Diversità Ewropa b’rabta mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u fil-kuntest tal-Presidenza Franċiża. (jk)