European Economic
and Social Committee
Bit-titolu “L-UE bħala mutur għall-prosperità kondiviża – is-soċjetà ċivili għal ekonomija li taħdem għan-nies u għall-pjaneta”, il-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili 2022 ser isiru mill-15 sas-17 ta’ Marzu 2022.
Il-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili 2022, li se jsiru fi żmien kruċjali għall-Ewropa, bil-pandemija tal-COVID-19 li għadha għaddejja u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li tinsab fl-aħħar stadji tagħha, se jesploraw kif l-Ewropa tista’ tkun aktar reżiljenti permezz ta’ tranżizzjoni ġusta li tkun ta’ benefiċju għan-nies u għall-ambjent, u fl-istess ħin iżżid il-prosperità Ewropea.
Din it-tranżizzjoni għandha tiddefendi u tippromovi d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali tal-UE: id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà u l-ugwaljanza. Is-sena 2021 wriet li kienet test ta’ reżistenza f’dan ir-rigward. Bħala difensuri, aġenti tal-bidla u gwardjani tal-ġid komuni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali fid-difiża ta’ dawn il-valuri fil-livelli kollha.
Is-suġġetti ewlenin li ġejjin se jiġu diskussi waqt seba’ workshops interattivi, li se jiġu organizzati b’mod ibridu jew kompletament online:
- Opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet għal kulħadd;
- Djalogi interġenerazzjonali bejn l-intraprendituri tal-Unjoni Ewropea;
- Voluntiera għall-prosperità;
- Ambjent favorevoli għas-soċjeta ċivili: il-każ għal parteċipazzjoni sinifikanti;
- Il-bini ta’ ekonomija demokratika għal tranżizzjoni ġusta;
- Ekonomija soċjali tas-suq ekoloġika għall-Futur tal-Ewropa;
- Il-Futur tal-Protezzjoni Soċjali u s-Sistemi Soċjali Ewropej: il-każ ta’ skemi ta’ introjtu minimu u aċċess għal servizzi soċjali ta’ kwalità.
L-introduzzjoni u l-konklużjoni tal-workshops se jsiru f’forma ta’ panels ta’ diskussjoni ta’ livell għoli fis-sessjonijiet ta’ ftuħ u ta’ għeluq.
Il-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili 2022 se jiġu organizzati mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bil-kooperazzjoni tal-Grupp ta’ Kuntatt tiegħu.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm, il-kelliema u l-workshops, jekk jogħġbok iċċekkja l-paġna web tal-avveniment, li tiġi aġġornata regolarment, u segwina fuq Twitter @EESC_LiaisonG #CivSocDays. (ks)