Minn Dimitris Dimitriadis, membru tal-Grupp ta' Min Iħaddem tal-KESE u l-President tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni tal-KESE

Bil-għan li jiddekarbonizza l-ekonomija tal-UE, il-Patt Ekoloġiku Ewropew se jwassal għal bidla radikali li se tirrivoluzzjona l-ekonomija tagħna, is-soċjetà tagħna u r-relazzjonijiet tagħna mal-bqija tad-dinja.

Permezz tal-COP26, fl-aħħar kulħadd jirrikonoxxi l-urġenza li tittieħed azzjoni. Fl-istess ħin, l-UE għadha minn ta’ quddiem f’din it-tellieqa kontra l-ħin: huwa r-rwol tal-Ewropa li tmexxi bl-eżempju. Huwa wkoll fl-interess tagħna li nimmodernizzaw l-ekonomija tagħna malajr, sabiex nibqgħu jew insiru mexxejja dinjija fir-riċiklaġġ u l-ekonomija ċirkolari, fil-qbid tad-diossidu tal-karbonju mill-atmosfera, fl-idroġenu ekoloġiku, fl-impjanti tal-enerġija solari u tal-enerġija mir-riħ.

L-Ewropa hija l-akbar suq globali, u l-effetti tagħna li nimxu lejn in-newtralità klimatika, li mill-fjuwils fossili neqilbu għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u t-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika, se jinħassu kullimkien. Biżżejjed wieħed jaħseb dwar l-importazzjonijiet taż-żejt u l-gass tagħna mir-Russja u l-Alġerija.

Fid-dawl tal-impenn tradizzjonali tagħna għall-multilateriżmu, jeħtieġ li nqisu r-riperkussjonijiet fuq il-pajjiżi terzi, u jeħtiġilna ngħinu lill-pajjiżi aktar dgħajfa, dawk li kkontribwew inqas għat-tisħin globali iżda qed iħallsu prezz għoli għall-konsegwenzi tiegħu. Bl-istess mod, l-UE għandha tibda negozjati immedjati mal-eqreb ġirien tagħna, sabiex tgħinhom jilħqu l-għanijiet tagħhom f'qafas ta' żmien adegwat.

L-Istati Uniti jinsabu kawti dwar il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri tagħna, peress li huma jqisuh bħala miżura potenzjalment protezzjonista. Min-naħa l-oħra, l-Ewropa ma tistax tneħħi dan il-mekkaniżmu peress li huwa mod kif nimpedixxu r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

Dwar id-dipendenza minn barra, hemm ukoll il-kwistjoni taħraq ta’ materji primi kritiċi. Iċ-Ċina tipprovdi 95 % tal-elementi tal-materjali tal-art rari kollha użati fid-dinja għal teknoloġiji ġodda. Wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni u niddiversifikaw is-sorsi tal-provvista tagħna.

Għandna x-xjenza, it-teknoloġija, il-possibiltajiet ta’ finanzjament u l-ideat. Dak li m’għandniex huwa ż-żmien: l-UE jeħtiġilha taġixxi malajr, u l-KESE se jsegwi l-iżviluppi, isemma’ l-fehmiet u l-ideat tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha.

Aqra l-artikolu kollu hawn europa.eu/!39cXrP (kr)