Il-KESE jemmen bis-sħiħ li mudell ta’ kura għall-anzjani dipendenti għandu jiġi integrat fit-tfassil tal-politika tal-UE, peress li l-proporzjon tal-popolazzjoni li għandha aktar minn 80 sena huwa mistenni li jkun aktar mid-doppju sal-2050.

Il-pandemija ħarġet fid-dieher xi fallimenti f’dan il-qasam u l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Strateġija għall-Kura Ewropea ġdida hija pass fid-direzzjoni t-tajba, fil-fehma tal-KESE. Madankollu, iridu jgħidu tagħhom l-istituzzjonijiet konsultattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw lill-anzjani.

Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu Lejn mudell ġdid ta’ kura għall-anzjani: Nitgħallmu mill-pandemija tal-COVID-19, adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar, il-KESE ta ħarsa iktar mill-qrib lejn diversi mudelli ta’ kura fit-tul għal persuni ikbar minn 65 sena li tilfu l-awtonomija tagħhom jew huma dipendenti fuq djar tal-kura istituzzjonali.

Miguel Ángel Cabra De Luna, relatur tal-Opinjoni, enfasizza li: “Il-kura għall-anzjani kollha trid tkun pedament tal-politiki tal-UE, b’rabta mal-konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali."

Il-KESE ppropona l-istabbiliment ta’ Osservatorju Ewropew għall-kura tal-anzjani, li jippermetti li tinġabar data statistika biżżejjed, li jsir qbil bejn l-aħjar prattika ta’ mudelli statali differenti, li jiġu identifikati dgħufijiet strutturali fis-sistemi nazzjonali, li jingħata appoġġ tekniku sabiex tiġi faċilitata l-adozzjoni ta’ linji gwida ta’ politika tal-UE u jgħin fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Barra minn hekk, l-Opinjoni tal-KESE ssejjaħ għal Sena Ewropea tal-Anzjani, bħala rikonoxximent tad-drittijiet fundamentali tal-anzjani u l-kontribut tagħhom lejn is-soċjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Matul in pandemija, id-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-anzjani tqiesu parzjalment biss, u dan il-fatt żvela n-nuqqasijiet kunċettwali, strutturali u funzjonali tal-mudelli tal-kura tal-anzjani. F’kuntest usa’, din is-sitwazzjoni għenet biex jiġi enfasizzat aktar il-fatt li t-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa sfida strateġika ewlenija għall-UE u l-Istati Membri tagħha. (at)