Ġieħ lil dawk kollha li jġibu t-tama għall-komunitajiet tagħhom

Għeżież qarrejja,

Lura lejn l-aħħar tal-2021, l-UE ddeċidiet li tagħmel l-2022 is-sena taż-żgħażagħ. L-għan tagħha kien li tixħet dawl fuq is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ, speċjalment fl-isfond tal-kriżi tal-COVID-19, li kienet pjuttost diffiċli għalihom, u affettwat ħażin is-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol kif ukoll l-edukazzjoni tagħhom.

L-UE riedet tħeġġeġ lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jippromovu opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jħeġġuhom isiru ċittadini attivi u atturi tal-bidla, u appellat għal impenn massimu ma’ dawk l-aktar diffiċli biex jintlaħqu: żgħażagħ b’diżabilità, gruppi ta’ minoranza u dawk li jgħixu f’żoni żvantaġġati.

Ftit konna nafu li f’inqas minn xahrejn wara li bdiet is-sena li l-UE kienet iddedikat liż-żgħażagħ, id-destin kiefer ried li ż-żgħażagħ fil-fruntieri tal-Lvant tagħha jaħarbu lejn ix-xelters biex jinħbew mill-bombi u l-missili, jiġu mġiegħla jħallu pajjiżhom biex jevitaw li jinqatlu, jew jitilfu lil ħuthom, missirijiethom jew ħajjithom stess fit-trinek imdemmija tal-kampijiet tal-battalja Ukreni, wara l-attakk krudili tar-Russja fuq l-Ukraina u l-popolazzjoni ċivili tagħha.
F’din is-sena ta’ avvenimenti ta’ taqlib bħal dawn, il-KESE ddeċieda li jagħmel il-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili 2022 wieħed doppju, iddedikat għal żewġ temi – iż-żgħażagħ u l-Ukrajna.

Fl-ewwel kategorija intitolata “Insaħħu l-pożizzjoni taż-żgħażagħ”, fittixna proġetti li ħeġġew u għenu b’mod kreattiv lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda jsibu l-vuċi tagħhom u jżommu soda l-pożizzjoni tagħhom f’dinja li qed issir dejjem aktar polarizzata u ostili, u b’hekk jiffaċċjaw l-inflazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-enerġija, biex insemmu biss ftit mill-isfidi.

Il-premju fil-kategorija “Is-soċjetà ċivili Ewropea għall-Ukrajna” kien maħsub biex jagħti ġieħ lis-soċjetà ċivili, li mmobilizzat malajr biex tgħin lill-popolazzjoni ċivili Ukrena hekk kif faqqgħet il-gwerra, u biex jonora l-eluf ta’ inizjattivi tas-soċjetà ċivili li nibtu ma’ kullimkien fl-Ewropa b’reazzjoni għall-qagħda mwiegħra tal-Ukreni quddiem l-aggressjoni Russa.

Waslulna aktar minn mitt applikazzjoni u ma kienx kompitu faċli li nagħżlu l-aħjar, peress li l-kandidati kollha tagħna jixirqilhom il-premju għad-dedikazzjoni u s-solidarjetà tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, il-premju tqassam bejn sitt organizzazzjonijiet, tlieta f’kull kategorija, minn ħames pajjiżi tal-UE: l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja b’żewġ proġetti rebbieħa.  

Fil-15 ta’ Diċembru, aħna ċċelebrajna l-kisbiet fantastiċi tagħhom fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fi Brussell.

It-tliet proġetti rebbieħa kollha fil-kategorija taż-żgħażagħ jgħinu lil żgħażagħ li jaffaċjjaw diffikultajiet, peress li huma minn segmenti żvantaġġati tas-soċjetà: il-minoranza Rom, iż-żgħażagħ li qattgħu parti mit-tfulija jew it-tfulija kollha tagħhom f’sistema ta’ kura u issa jridu jiffaċċjaw id-dinja waħidhom, jew huma soċjalment esklużi għal diversi raġunijiet.

It-tliet proġetti dwar l-Ukrajna għenu lir-refuġjati b’modi differenti, billi għenuhom fil-fruntieri meta waslu l-ewwel darba u ġabru l-għajnuna, ħadu ħsieb it-tfal bil-kanċer, jew ippermettew lill-Ukreni jintegraw bla xkiel fil-komunitajiet il-ġodda tagħhom.

Ippermettuli nagħlaq l-introduzzjoni għal din l-edizzjoni speċjali tal-KESE Info dwar il-Premju għas-Soċjetà Ċivili billi ntenni kliem Martyna Kowacka, rappreżentanta tar-rebbieħ Pollakk tagħna li, f’ġest simboliku, ġabet id-Dawl ta’ Paċi ta’ Betlem fiċ-ċerimonja tal-premjazzjoni u ġibdet l-attenzjoni dwar l-importanza li nikkumbattu l-ħażen u nibnu valuri bħat-tolleranza, il-ħbiberija u r-rieda għall-għajnuna.

Hija qalet li tittama li kulħadd jagħmel il-kontribut tiegħu stess sabiex, xi darba, naraw id-dawl tal-paċi jieħu post in-nar tal-gwerra.
Aħna nemmnu li, bis-saħħa tal-isforzi altruistiċi u numerużi miċ-ċittadini li ta’ kuljum jikkontribwixxu biex id-dinja ssir post aħjar, in-nar tal-gwerra dalwaqt se jintefa u jinbidel bid-dawl tal-paċi. U bil-premju tagħna, irridu nagħtu ġieħ mhux biss lir-rebbieħa u lill-kandidati tagħna iżda wkoll lill-individwi u l-organizzazzjonijiet l-oħra kollha li jkomplu jġibu dawl fil-komunitajiet tagħhom.

Cillian Lohan, Viċi President għall-Komunikazzjoni