Minn Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

L-ewwel sitt xhur tal-2023 huma ż-żmien ideali biex issir pressjoni biex l-aġenda tal-kompetittività ssir prijorità ewlenija għall-UE.

L-2022 kienet annus horribilis għall-Ewropa. Fi żmien meta r-Russja reġgħet ġabet il-gwerra fil-kontinent Ewropew, kull suppożizzjoni u aspettattiva li kellna għal paċi dejjiema sfaw fix-xejn fl-ispazju Ewropew usa’.

Hemm ħaġa waħda li hija ċara daqs il-kristall: mingħajr il-paċi, ma jistax ikun hemm prosperità. Il-Grupp ta’ Min Iħaddem jappoġġja bis-sħiħ l-azzjoni tal-UE biex tassisti lill-Ukrajna f’dan iż-żmien li matulu tant teħtieġ għajnuna, u biex tibda taħdem biex tibni l-Ukrajna mill-ġdid, anke qabel ma tintemm il-gwerra.

Aħna u nkomplu ninvestu l-enerġija biex ngħinu lill-Ukrajna, fl-2022 komplejna wkoll nagħmlu pressjoni għall-irkupru tal-UE. Konna assertivi fil-ħidma tagħna għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa biex insejħu għal enfasi aktar deċiżiva fuq il-kompetittività, billi nistabbilixxu l-prattika tajba ta’ kontroll tal-kompetittività biex nibnu ekonomija aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti. Il-Kummissjoni u l-presidenzi tal-UE kienu riċettivi ħafna għal din is-sejħa u dan l-istrument issa qed jitħejja. Aktar importanti minn hekk, qed isir dejjem aktar ċar għal kulħadd li l-UE trid tadotta Aġenda tal-Kompetittività li tiffoka fuq is-sostenibbiltà u s-saħħa tal-intrapriża. Huwa biss b’dan il-mod li nistgħu niggarantixxu soċjetà sana li fiha nkunu nistgħu nipprovdu liċ-ċittadini bi kwalità ta’ ħajja tajba.

Jeħtieġ li tul l-2023 inżommu ħaj dan is-sens ta’ urġenza. Irridu nżidu l-isforzi biex niżviluppaw aġenda ambizzjuża u li tħares ’il quddiem li tqis kif imiss il-ħtiġijiet u t-tħassib tan-negozju. Is-sitwazzjoni attwali titlob għadd ta’ għanijiet fundamentali:

  • Aċċess kompetittiv għall-fatturi tal-produzzjoni (enerġija, materja prima, xogħol, kapital u data)
  • It-twettiq tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku u l-libertajiet tiegħu, billi jinħoloq Suq Uniku Diġitali komplut.
  • L-iżgurar li kummerċ barrani miftuħ u bbażat fuq ir-regoli jsir pilastru ieħor tal-ekonomija tal-UE.
  • It-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali – li aħna nappoġġjaw bil-qawwa – trid tinkiseb b’mod kosteffettiv li jrawwem l-intraprenditorija u l-innovazzjoni.

L-ewwel sitt xhur tal-2023 huma ż-żmien ideali biex issir pressjoni biex l-aġenda tal-kompetittività ssir prijorità ewlenija. F’dinja mimlija inċertezzi, hemm ħaġa waħda li nistgħu nkunu ċerti dwarha: mingħajr Unjoni prospera u kompetittiva, il-benesseri soċjali tas-soċjetà tagħna jinsab f’riskju serju.

Aqra l-artiklu kollu hawnhekk. (dv/kr)