European Economic
and Social Committee
Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022: Niffukkaw fuq ir-riżultati, mhux fuq il-pubbliċità ekstravaganti
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) laqa’ d-dikjarazzjoni tal-2022 bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ iżda wissa li għandha tmur lil hinn minn sempliċi attivitajiet promozzjonali u għandha tikkontribwixxi għall-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ bi pjani u impenn ċari. L-inizjattiva trid tilħaq l-aktar żgħażagħ vulnerabbli u dawk f’żoni żvantaġġati.
Biex tikseb dan, l-UE għandha tiżviluppa indikaturi u għanijiet ċari li jiffukkaw fuq il-politiki għaż-żgħażagħ u fuq il-ħidma f’setturi differenti, sabiex l-attivitajiet li jiġu organizzati ma jsirux għan fihom innifishom. Dan qalu l-KESE fl-Opinjoni dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022.
“Il-KESE jispera li jikkollabora b’mod pożittiv mas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022. Irridu li din twassal għal riżultati konkreti għaż-żgħażagħ Ewropej f’oqsma ta’ politika li jħallu iimpatt fuq ħajjithom,” qal ir-relatur għall-Opinjoni, Michael McLoughlin.
Madankollu, il-KESE wera t-tħassib li l-aġenda u l-prijoritajiet għas-sena jidhru imballati, peress li fihom numru kbir ħafna ta’ impenji, referenzi għal inizjattivi oħra, baġits u oqsma ta’ politika.
“Huwa importanti li l-proposta tkun ċara u ffukkata. Xi kultant aħjar ftit inqas, u jista’ jkun hemm biża’ li lista twila ta’ oqsma ta’ politika u responsabbiltajiet kondiviżi tista’ titlef is-sens ta’ enfasi ċara fuq l-eżiti, ir-responsabbiltà u r-riżultati,” enfasizza s-Sur McLoughlin.
Il-KESE jaqbel li l-perjodu u l-kuntest li fihom ittieħdet id-deċiżjoni biex l-2022 tintgħażel bħala s-Sena taż-Żgħażagħ kienu korretti. Il-kriżi tal-COVID-19 kienet partikolarment ħarxa fuq iż-żgħażagħ u se jkollha konsegwenzi dejjiema għall-edukazzjoni tagħhom u għall-benesseri soċjali, finanzjarju u mentali tagħhom. Madankollu, il-KESE jibża’ li l-proposta ġiet żviluppata malajr ħafna.
Dan jippreżenta l-periklu li inizjattivi importanti relatati maż-żgħażagħ jintużaw aktar bħala dikjarazzjonijiet politiċi ta’ profil għoli milli bħala żvilupp sistematiku fit-tul.
Dan jippreżenta wkoll sfida biex is-Sena tiġi implimentata fil-livell nazzjonali, peress li ż-żmien li l-awtoritajiet nazzjonali kellhom biex ifasslu azzjonijiet fl-Istati Membri differenti kien qasir ħafna. Jistgħu wkoll ikollhom diffikultajiet jiksbu l-fondi biex ikopru l-ispejjeż tal-attivitajiet maħsuba għas-Sena.
Il-KESE għalhekk jipproponi baġit b’total ta’ EUR 10 miljun, minflok it-EUR 8 miljun proposti, li minnhom EUR 2 miljun jintużaw għall-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali. Dan huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat impatt suffiċjenti u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni. (ll)