Biċ-Ċina u r-Russja fuq l-offensiva, sħubija transatlantika mġedda u affidabbli hija ċ-ċavetta biex jinżammu l-ordni legali internazzjonali u l-paċi. Il-KESE jappoġġja l-idea ta’ Alleanza tad-Demokraziji, li tiżgura li s-soċjetà ċivili jkollha vuċi sinifikanti fid-difiża konġunta tal-valuri u d-drittijiet universali.

F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Diċembru, il-KESE saħaq li, flimkien, l-UE u l-Istati Uniti għandhom ikunu l-gwardjani tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, u enfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet translatlantiċi għar-rwol tal-Ewropa fid-dinja.

Christian Moos, relatur għall-Opinjoni, saħaq li: “L-idea ta’ drittijiet tal-bniedem universali tibqa’ tgħaqqad partijiet kbar tal-UE mad-demokraziji ħielsa tad-dinja, fuq kollox l-Istati Uniti tal-Amerka."

Peter Clever, korelatur żied jgħid li: “Il-karattru universali tad-drittijiet tal-bniedem joħroġ minn dan l-impenn volontarju komprensiv ta’ kulħadd fl-implimentazzjoni [ta’ dawn id-drittijiet]. Dan hu dak li jagħmilhom prezzjużi bħala bażi għad-djalogu u l-fehim”.

Għal dan il-għan, il-KESE jenfasizza bil-qawwa li soċjetà ċivili vibranti biss tista’ toħloq entużjażmu u tissalvagwardja l-valuri, u jħeġġeġ lill-UE tistabbilixxi pjattaforma transatlantika għas-soċjetà ċivili organizzata b’punti ta’ kuntatt fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Ewropa. Barra dan, id-djalogu mas-soċjetà ċivili transatlantiku għandu jkun ibbażat fuq firxa ta’ temi, li jinkludu d-drittijiet ċivili, id-diżinformazzjoni u l-azzjoni dwar il-klima.

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-idea ta’ Alleanza tad-Demokraziji u jappella lill-UE biex tingħaqad fi front komuni mal-Istati Unit u mad-demokraziji l-oħra tad-dinja biex issegwi “strateġija ta’ trażżin kooperattiv fil-konfront taċ-Ċina: trażżin kooperattiv li jirrispetta u jissalvagwardja l-interessi leġittimi Ċiniżi, iżda jwassal għal reazzjonijiet diplomatiċi ċari u robusti meta jinkisru d-drittijiet, bħal fil-każ tad-dimostranti Ujguri u f'Hong Kong. (at)