Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika

Il-premjijiet tal-UE għall-produzzjoni organika huma organizzati b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), COPA-COGECA u IFOAM Organics Europe. Dawn il-premjijiet għandhom l-għan li jirrikonoxxu l-eċċellenza tul il-katina tal-valur tas-settur organiku, billi jippremjaw l-aqwa u l-aktar atturi innovattivi fil-produzzjoni organika tal-UE.

Il-premjijiet huma l-ewwel eżempju ta’ premjijiet fl-UE kollha għall-produzzjoni organika u huma mfassla biex isegwu l-Pjan ta’ Azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika adottat mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Marzu 2021. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jieħu l-approċċ li, sabiex tiġi stimulata l-produzzjoni organika, id-domanda tal-konsumatur għal prodotti organiċi għandha tikber. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, aktar sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-karatteristiċi u l-benefiċċji tal-produzzjoni organika. Il-Pjan ta’ Azzjoni għalhekk jinkludi premjijiet annwali li jirrikonoxxu l-eċċellenza fil-katina tal-valur tas-settur organiku. Dawn il-premjijiet se jiġu ppreżentati għall-ewwel darba fl-2022.

Il-KESE ilu għal snin sħaħ fuq quddiem nett biex jippromovi politika tal-ikel aktar sostenibbli u komprensiva fl-UE. B’mod partikolari, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni, adottata f’Settembru 2021, il-KESE jirrikonoxxi r-rwol tal-biedja organika biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jqis il-pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika bħala bażi soda għall-iżvilupp tas-settur organiku b’mod sostenibbli. Il-KESE jqis ukoll li l-konsumaturi għandhom jiġu infurmati dwar il-benefiċċji u l-isfidi tal-prodotti organiċi permezz ta’ miżuri adegwati ta’ sensibilizzazzjoni, u għalhekk jixtieq jinvolvi ruħu f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-produzzjoni organika, bħall-Jum Organiku tal-UE ta’ kull sena u l-premjijiet għall-eċċellenza fis-setturi kollha tal-katina tal-ikel organiku.

Il-KESE ġie mistieden jipparteċipa fiċ-ċelebrazzjoni uffiċjali tal-ewwel Jum Organiku tal-UE, li attenda għalih il-Kummissarju Janusz Wojciechowski, fit-23 ta’ Settembru 2021; il-KESE huwa koorganizzatur tal-premjijiet tal-UE għall-produzzjoni organika, u huwa responsabbli għal tliet premjijiet.

L-iskema għall-premjijiet tal-UE għall-produzzjoni organika tinkludi seba’ kategoriji u tmien premjijiet. Dawn jirrikonoxxu l-atturi tul il-katina tal-valur tas-settur organiku li żviluppaw proġett eċċellenti, innovattiv, sostenibbli u ta’ ispirazzjoni li jipproduċi valur miżjud reali għall-produzzjoni u l-konsum ta’ prodotti organiċi.


Oliver Röpke, President tal-KESE Oliver Röpke, President tal-KESE:

Id-domanda għall-ikel organiku qed tikber b’rata mgħaġġla. Il-konsumaturi jridu jieklu ikel aħjar u aktar tajjeb għas-saħħa, li huwa tajjeb għal ġisimhom u tajjeb għall-pjaneta tagħna. Iżda mhux kulħadd għandu l-istess għażla, għal xi wħud l-ikel organiku mhuwiex aċċessibbli. Il-Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika jirrikonoxxu l-innovazzjoni, il-passjoni u d-dedikazzjoni ta’ dawk li verament jippromovu l-ikel u l-produzzjoni organika fl-UE u jqarrbuhom lejn il-konsumaturi kollha.


Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-paġna web dwar il-premjijiet tal-UE għall-produzzjoni organika u fuq il-midja soċjali permezz ta’ #EUOrganic.