European Economic
and Social Committee
Breadcrumb
- Home
- Current: Tetyana Ogarkova: L-aħħar gwerra ta’ Vladimir Putin
Tetyana Ogarkova: L-aħħar gwerra ta’ Vladimir Putin
Tetyana Ogarkova: L-aħħar gwerra ta’ Vladimir Putin
Fl-24 ta’ Frar 2022, qomna fil-ħamsa ta’ filgħodu minħabba ħsejjes strambi li smajna fil-bogħod u li kienu jixbhu ħafna dawk ta’ splużjonijiet. It-tfal kienu reqdin fil-fond fis-sodda tagħhom, iżda l-messaġġi fuq it-telefon ma qatgħux. Il-gwerra kienet bdiet. L-isplużjonijiet li seħħew kienu attakki bil-missili rrappurtati f’Kiev, Kharkiv, Ivano-Frankivsk u fi bliet oħra fil-pajjiż.
F’wieħed mill-ewwel attakki ġġarrfet binja f’sit militari f’Brovary fejn kien joqgħod il-kowċ taż-żfin ta’ bintna l-kbira. Ftit sigħat wara, tlaqt bil-karozza biex infittex ħabiba li ma kinitx għadha twieġeb it-telefonati. Iltqajt mal-karrijiet armati Ukreni. Il-ktajjen tagħhom ħallew it-traċċi fuq l-asfalt.
Qatt ma erġajna rqadna wara dik il-ħasda tal-24 ta’ Frar 2022 li ħassritilna darba għal dejjem ħajjitna kif kienet qabel. Inħarsu lejn ir-realtà l-ġdida tagħna b’seba’ għajnejn. Matul l-ewwel ġimgħa tal-gwerra, rajna għall-ewwel darba l-ħbieb tagħna jitilfu ħajjithom huma u jiġġieldu. Rajna wkoll li l-armata Ukrena setgħet tirreżisti t-tieni l-akbar armata tad-dinja. Rajna l-Ewropej jgħaddulna l-armi u jiddiskutu s-sanzjonijiet futuri.
Konna fuq kollox mistagħġbin bir-Russja. Qatt ma ħlomna li naraw livell daqshekk tal-mistħija: is-suldati jiftaħru ma’ marthom li serqu l-kafetteriji, it-tapiti u saħansitra l-magni tal-ħasil fl-irħula meqruda. Ma nistgħux nemmnu l-ħruxija tagħhom: qed joqtlu ċ-ċittadini mhux armati b’tir wara rashom, jistupraw in-nisa Ukreni quddiem uliedhom u jaħarqu l-iġsma tal-vittmi tagħhom. Qed jibbumbardjaw l-isptarijiet tagħna u jisparaw il-missili kuljum, mingħajr eċċezzjoni. Ma nistgħux nemmnu l-ħmerijiet tagħhom: għal aktar minn xahar ħaffru t-trunċieri fil-ħamrija ta’ Tchernobyl - qabel ma kellhom jiġu trasferiti lejn il-Belarussja minħabba sintomi ta’ irradjazzjoni, u fosthom kien hemm diġà min miet.
Ninsabu skantati bir-realtà tar-Russja tal-lum. Putin mhuwiex l-uniku wieħed li qed imexxi din il-gwerra. Skont stħarriġ reċenti ta’ Centre Levada, għandu l-appoġġ ta’ 85 % tar-Russi.
Wasal iż-żmien li naffaċċjaw din ir-realtà ġdida. Ir-reżistenza erojka tas-suldati Ukreni, l-għajnuna militari u s-sanzjonijiet qawwija tal-imsieħba tal-Punent tal-Ukrajna qed ikunu effettivi.
Iżda l-gwerra għadha hemm. L-aktar ħaġa importanti hija li wieħed jibqa’ sod mhux li jabbanduna, li ma jċedix għat-tentazzjoni ta’ waqfien mill-ġlied miftiehem b’nuqqas ta’ serjetà jew ta’ malajr — irrispettivament minn meta jseħħ. Ilkoll kemm aħna rridu l-paċi. Għandna din l-opportunità unika biex niżguraw li din l-aggressjoni Russa mhux ġustifikata tkun l-aħħar gwerra tagħha. L-ebda waqfien mill-ġlied, l-ebda konċessjoni ta’ territorji jew kompromess mhu se jkun effettiv — jekk mhux biex ir-Russja tiddikjara rebħa parzjali, u taggrava s-sentimenti aggressivi u vendikattivi tas-soċjetà Russa.
It-Transnistrija fl-1992, il-Georgia fl-2008, il-Krimea u d-Donbass fl-2014: kull għaxar snin, ir-Russja ħolqot sfidi u perikli fir-reġjun. Il-Kremlin inqeda b’kull dgħufija tal-Punent bħala skuża biex jissokta bl-aggressjoni tiegħu. Ejjew inħarsu aktar mill-qrib lejn ir-realtà. Biex niksbu l-paċi, jeħtieġ li nkomplu bil-gwerra. Il-gwerra kontra r-Russja.
Għandna bżonn il-kuraġġ. Ħafna kuraġġ. Mhux biss dak tas-suldati Ukreni, iżda wkoll il-kuraġġ tal-imsieħba tal-Punent biex iħarrxu s-sanzjonijiet (biex jeqirdu l-ekonomija Russa) u biex iwasslu l-armi offensivi meħtieġa lill-Ukreni (biex jimbuttaw lura t-truppi Russi lil hinn mill-fruntiera).
Neħtieġu wkoll inkunu determinati. Id-determinazzjoni li hemm bżonn biex, wara t-telfa inevitabbli tar-Russja, inkunu nistgħu nimponu fuq kull ċittadin Russu r-responsabbiltà storika għal dan il-barbariżmu inuman. Bl-ispejjeż ta’ tiswija li għandhom jitħallsu għal żewġ jew tliet ġenerazzjonijiet. B’kotba tal-iskola tal-istorja li fihom deskrizzjonijiet dettaljati tad-delitti tal-gwerra tagħhom. B’mużew tal-battalja ta’ Marioupol, jew ta’ Boutcha, fiċ-ċentru ta’ Moska.
Huwa biss ladarba tieqaf din il-gwerra suwiċidali li wieħed jista’ jistenna Russja differenti, mingħajr is-sindromu ta’ imperu midrub u mingħajr ir-rieda li terġa’ lura għall-kobor tagħha askapitu tal-ġirien tagħha.
Meta qomna fil-ħamsa ta’ filgħodu, fl-24 ta’ Frar 2022, smajna lil Putin isemmi “d-denażifikazzjoni” u “d-demilitarizzazzjoni” bħala objettivi tal-“operazzjoni militari” tiegħu. Imma ejja nqumu mir-raqda. L-Ukrajna m’għandniex bżonn “denażifikazzjoni” u “demilitarizzazzjoni”. Minflok, hija r-Russja li għandha bżonnhom.