Felipe Medina: 30 sena tas-suq uniku, rieżami kritiku mill-KESE

L-Unjoni Ewropea tiċċelebra t-30 sena tas-suq intern uniku. L-okkażjoni jistħoqqilha riflessjoni fil-fond, li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jindirizza fl-Opinjoni “It-30 sena tas-suq uniku: kif jista’ jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku”. Din l-Opinjoni tqis li din il-politika kienet suċċess kbir iżda li s-suq intern jeħtieġ “rieżami kritiku u titjib ġdid, (...) f’termini tal-isfidi l-ġodda li għandhom jiġu ffaċċjati”.

Fil-paġni tal-Opinjoni tiġi enfasizzata kelma waħda ewlenija: il-kompetittività. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għan-negozji “billi jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività ġusta, u jinħoloq ambjent favorevoli għan-negozju u li jirrispetta d-dimensjoni soċjali”. Wieħed mit-tħassibiet ewlenin huwa “li qed jitfaċċaw dejjem aktar inizjattivi regolatorji nazzjonali li jidħlu fis-seħħ qabel ma jiġu ppubblikati inizjattivi Ewropej, u li mbagħad jagħmluha diffiċli li r-regoli jiġu armonizzati” u dan joħloq diffikultajiet għan-negozji fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

Huwa wkoll urġenti li jiġi żgurat li r-regolamenti ġodda kollha jgħaddu mit-test tal-kompetittività u li tittejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni fl-Ewropa u fl-Istati Membri, waqt li tiġi eliminata l-leġiżlazzjoni superfluwa u konfuża li toħloq l-inċertezza għall-operaturi, li fost affarijiet oħra, twassal għal frammentazzjoni tas-suq uniku Ewropew. Sabiex ma tintilifx il-kompetittività, jeħtieġ ukoll li jkun hemm impatt fuq il-moviment liberu tal-persuni u tal-ħaddiema; jeħtieġ li tissaħħaħ il-“politika diġitali robusta u ambizzjuża”, jiġi adottat approċċ prattiku u realistiku għall-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku u tittejjeb l-implimentazzjoni tal-għodod għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-funzjonament tas-suq uniku.

Il-KESE jirrikonoxxi l-alleanzi tax-xiri ta’ ħafna setturi bħala eżempju ta’ prattika tajba għall-kompetittività minħabba l-kapaċità li xi setturi – bħal dak tal-bejgħ bl-imnut u dak tal-bejgħ bl-ingrossa – urew biex jingħaqdu u jsiru aktar b’saħħithom fil-livell Ewropew. Is-setturi tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, pereżempju, ħaddnu l-ispirtu u l-vantaġġi inkontestabbli tas-suq uniku biex kuljum jippreżentaw servizz aħjar għall-konsumaturi Ewropej bis-saħħa tal-alleanzi tax-xiri u tas-suq uniku”.