Minn Sandra Parthie

L-Att dwar l-IA huwa l-ewwel qafas legali komprensiv li jirregola l-intelliġenza artifiċjali globalment.

L-użu tal-IA qed jespandi u jaffettwa ħafna aspetti tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Pereżempju, jinfluwenza l-informazzjoni li n-nies jaraw online permezz ta’ reklami mmirati. Iżda aktar importanti minn hekk, issa qed jintuża fis-settur tas-saħħa biex jgħin fid-dijanjożi u t-trattament ta’ mard bħall-kanċer. Biex dan isir, l-applikazzjonijiet tal-IA jiddependu fuq mudelli tal-IA bi skop ġenerali, li jeħtieġ li jiġu mħarrġa. Jeħtieġ li jiġu mitmugħa ħafna xbihat ta’, pereżempju, ċelloli kanċerużi biex eventwalment jagħrfuhom b’mod indipendenti.

It-taħriġ b’suċċess jiddependi fuq id-data – ammonti enormi ta’ data. Il-mod kif isir it-taħriġ jinfluwenza l-kwalità tal-eżitu tal-mudell imħarreġ jew tal-applikazzjoni tal-IA. Jekk jiġi mitmugħ data jew xbihat ħżiena, se jidentifika b’mod ħażin iċ-ċelloli b’saħħithom bħala kanċerużi.

It-titjib tal-kura medika u tas-saħħa huwa eżempju konvinċenti għaliex huwa meħtieġ li fl-UE jkollna l-kapaċità u l-infrastruttura biex niżviluppaw mudelli tal-IA bi skop ġenerali sottostanti. Dan se jgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet.

Lil hinn minn dan, l-IA bi skop ġenerali hija bidla radikali fil-proċessi tal-produzzjoni kif ukoll għan-negozji. Biex l-ekonomija tal-Ewropa tibqa’ kompetittiva, jeħtieġ li nipprovdu l-ispazju għall-innovazzjoni fl-UE, u nħeġġu lill-intraprendituri u lin-negozji ġodda jiżviluppaw l-ideat tagħhom.

Naturalment, hemm riskji marbuta mal-IA u l-IA bi skop ġenerali – li jvarjaw minn difetti fil-mudelli u l-bugs fl-applikazzjonijiet sal-użu kriminali dirett tat-teknoloġija. Għalhekk, l-UE jrid ikollha wkoll l-għarfien espert biex tirrifjuta attakki malizzjużi u theddid ċibernetiku, trid tkun tista’ tiddependi fuq infrastruttura bbażata fl-UE, biex tiżgura sempliċiment li “id-dwal jibqgħu mixgħula”.

Dan kollu juri l-importanza li jkun hemm regolamentazzjoni xierqa, waħda li tiffoka fuq il-kwalità tad-data tat-taħriġ, il-metodi ta’ taħriġ u fl-aħħar mill-aħħar, il-prodott finali. Jeħtieġ li tkun ibbażata fuq valuri Ewropej, bħat-trasparenza, is-sostenibbiltà, il-protezzjoni tad-data jew ir-rispett għall-istat tad-dritt. Sfortunatament, ħafna mill-iżviluppi ewlenin tal-IA bi skop ġenerali qed jitmexxew minn atturi barra mill-ġurisdizzjoni tal-UE. Għalhekk, l-UE trid tiżviluppa l-kapaċitajiet biex tinforza l-konformità mad-dispożizzjonijiet regolatorji tagħha u mal-valuri Ewropej fir-rigward tal-atturi tal-UE u mhux tal-UE attivi fis-suq tagħna.

L-UE trid tnaqqas id-dominanza tas-suq minn kumpaniji diġitali kbar, ħafna drabi mhux Ewropej, inkluż billi timmobilizza l-għodod tal-politika tal-kompetizzjoni. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-UE jeħtieġ li jisfruttaw il-kapaċitajiet tagħhom u jiżguraw li l-“hyperscalers” ma jabbużawx mill-pożizzjoni tagħhom fis-suq B2B jew B2G.

L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jappoġġjaw lill-fornituri Ewropej tal-applikazzjonijiet tal-IA bi skop ġenerali u tal-IA billi jakkwistaw il-prodotti tagħhom u b’hekk juru l-affidabbiltà tagħhom lil aktar utenti u klijenti. L-UE għandha t-talent, l-għarfien teknoloġiku u l-ispirtu intraprenditorjali meħtieġ għal “IA magħmula fl-Ewropa”. Iżda nuqqas ta’ investiment, nuqqas tal-infrastruttura rilevanti tal-IT, u l-frammentazzjoni kontinwa tas-suq intern li xxekkel l-espansjoni, jimpedixxu l-kompetittività tal-atturi tal-IA tal-Ewropa.