Copyright: EU2025 - source: EC

Minn Michal Pintér, delegat tal-Kummissjoni Konsultattiva tal-KESE dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Il-Patt għal Industrija Nadifa li ġie mħabbar reċentement jirrikonoxxi l-importanza strateġika tal-industriji intensivi fl-enerġija għall-ekonomija tal-UE u jidentifika b’mod korrett l-isfidi ewlenin tagħhom. Minkejja li l-Patt jinkludi ideat notevoli bħal swieq ewlenin ekoloġiċi, appoġġ għall-ekonomija ċirkolari u finanzjament għad-dekarbonizzazzjoni, il-miżuri ma għandhomx l-urġenza u s-solidità meħtieġa biex ireġġgħu lura t-tnaqqis tal-industriji intensivi fl-enerġija tal-Ewropa.

Fl-Opinjoni tiegħu adottata dan l-aħħar dwar Il-futur tal-industriji tal‑UE li jużaw ħafna riżorsi u enerġija fid-dawl tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-ispejjeż tat-tranżizzjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irrikonoxxa distakk sinifikanti fil-kompetittività bejn l-industriji intensivi fl-enerġija fl-UE u dawk tal-kompetituri globali. Il-Kummissjoni b’mod korrett semmiet il-prezzijiet tal-enerġija bħala l-kaġun prinċipali. Madankollu, il-Patt u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli ma jipproponu l-ebda riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku. L-ipprezzar marġinali ħadem meta l-UE kienet qed tibbenefika minn gass bil-pipeline relattivament irħis u stabbli fornit mir-Russja. Sfortunatament, ir-realtà nbidlet, peress li issa ninsabu esposti għal provvisti tal-LNG għaljin u volatili, u x’aktarx hekk se jibqgħu fis-snin li ġejjin. Minkejja sehem dejjem akbar ta’ elettriku bi prezz baxx u ħieles mill-fjuwils fossili fit-taħlita tal-enerġija tal-UE, il-prezzijiet tal-fjuwils fossili jkomplu jiddeterminaw il-formazzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku.

L-isforzi ta’ politika biex jiżdiedu s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli huma milqugħa, iżda ma jnaqqsux il-kontijiet tal-elettriku minħabba d-disinn attwali tas-suq. Huma meħtieġa miżuri immedjati biex jiġu ttrasferiti l-benefiċċji tal-kostijiet tal-elettriku rinnovabbli lill-industriji u jiġu vvalutati l-għażliet kollha ta’ mitigazzjoni tal-prezzijiet, inkluż id-diżakkoppjament tal-prezzijiet tal-elettriku.

Il-Patt jirrikonoxxi wkoll lakuni fil-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (l-ebda soluzzjoni ta’ esportazzjoni, ridistribuzzjoni u ċirkomvenzjoni tar-riżorsi) u strumenti ta’ protezzjoni tal-kummerċ. Madankollu, sfortunatament il-Patt ftit li xejn jgħidilna dwar kif is-suq tal-UE se jiġi protett, u jħalli lill-industriji intensivi fl-enerġija joperaw f’inċertezza fi gwerra kummerċjali globali.

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jimplimentaw miżuri deċiżivi fi pjani ta’ azzjoni speċifiċi għas-settur, sabiex tiġi evitata aktar deindustrijalizzazzjoni u tinżamm il-kapaċità tal-UE għat-trasformazzjoni industrijali.