Il-KESE jappella għal tranżizzjoni ġusta u inklużiva hekk kif l-UE timxi lejn in-newtralità klimatika. F’Opinjoni reċenti, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi kkoordinati biex jiġi żgurat li, meta jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi ambizzjużi, ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma allinjati mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea għall-2024-2029, li jindirizzaw l-impjiegi, il-ħiliet, il-benesseri soċjali u d-disparitajiet reġjonali.

Il-KESE qed jirrakkomanda pakkett komprensiv ta’ politika għal tranżizzjoni ġusta, li jippermetti flessibbiltà għall-Istati Membri biex jindirizzaw iċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom stess. Waqt li jidentifika d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bħala għodod ewlenin, il-KESE jipproponi wkoll l-immappjar tad-diskrepanzi fil-ħiliet, programmi ta’ taħriġ inklużivi, pjani trasparenti ta’ tranżizzjoni tal-kumpaniji, konsultazzjoni akbar tal-ħaddiema u l-integrazzjoni ta’ prinċipji ta’ tranżizzjoni ġusta fl-oqfsa tal-UE bħall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

“Irridu li t-tranżizzjoni ġusta tkun storja fejn il-ġustizzja, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà jwittu t-triq għal futur aktar ekoloġiku u aktar inklużiv,” qal Dirk Bergrath, ir-relatur tal-Opinjoni.

Sabiex jinkisbu l-ambizzjonijiet klimatiċi tal-Ewropa – tnaqqis ta’ 75% fl-emissjonijiet sal-2030 u emissjonijiet żero netti sal-2050 – il-ġustizzja jeħtieġ li tiġi inkorporata fil-politiki, il-KESE enfasizza fl-Opinjoni. Il-prijoritizzazzjoni tax-xogħol deċenti, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar hija vitali biex jiġi sostnut l-appoġġ pubbliku u jiġi żgurat is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza appoġġ immirat għar-reġjuni affettwati b’mod sproporzjonat mit-tranżizzjoni ekoloġika. L-immappjar tal-ħtiġijiet reġjonali u tat-tranżizzjonijiet settorjali huwa kritiku, bl-Osservatorju ta’ Tranżizzjoni Ġusta jimmonitorja l-progress u jiżgura li l-ebda komunità ma tiġi injorata.

Biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-finanzjament, huwa essenzjali li jiżdied il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, jiġi ingranat l-investiment privat u jiġu allinjati l-istrumenti finanzjarji tal-UE. Il-kundizzjonalitajiet soċjali u ambjentali se jiżguraw allokazzjoni ekwa, b’enfasi fuq it-taħriġ u l-protezzjoni għall-gruppi vulnerabbli. (ks)