Il-KESE jitlob li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Kard Ewropea tad-Diżabilità jiġi estiż biex ikopri soġġorni itwal għal xogħol jew studju, sabiex jinkiseb moviment liberu għall-persuni b’diżabilità fl-UE.

Il-KESE faħħar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Kard Ewropea tad-Diżabilità u għal Kard Ewropea għall-Parkeġġ u jqishom bħala l-ewwel pass biex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fl-UE.

“Il-Proposta għaż-żewġ kards se taffettwa lil aktar minn 80 miljun ċittadin Ewropew b’diżabilità,” qal Ioannis Vardakastanis, relatur ġenerali tal-Opinjoni tal-KESE dwar Il-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ, li ġiet ippreżentata fis-sessjoni plenarja tal-KESE tal-14 ta’ Diċembru. “Dan huwa pass importanti ħafna lejn it-tneħħija ta’ ostakli serji u l-iżgurar li l-persuni b’diżabilità, kemm Ewropej kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru, ikunu jistgħu jgawdu l-prinċipju fundamentali li fuqu hija msejsa l-Unjoni: il-libertà ta’ moviment. Dan se jkun il-bażi għall-politiki futuri.”

Madankollu, il-KESE wissa li l-Proposta tonqos milli tneħħi wħud mill-aktar ostakli sinifikanti għall-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej b’diżabilità, jiġifieri n-nuqqas ta’ portabbiltà tal-benefiċċji relatati mad-diżabilità meta jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor fl-UE għal xogħol jew studju. Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu, il-KESE jitlob li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta jiġi estiż sabiex persuna b’diżabilità li tkun irrilokat tkun tista’ tuża l-kards, fuq bażi temporanja, biex tkompli tirċievi benefiċċji marbuta mal-politiki soċjali jew is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

Bħalissa, dan mhuwiex il-każ. Meta persuna tiċċaqlaq minn Stat Membru għal ieħor, titlef id-dritt tagħha għal kwalunkwe benefiċċju relatat mad-diżabilità ladarba taqsam il-fruntiera, sakemm id-diżabilità tagħha tiġi evalwata mill-ġdid fl-Istat Membru l-ġdid.

Dan il-proċess ta’ valutazzjoni jista’ jdum aktar minn sena u matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni l-persuna tibqa’ mingħajr rikonoxximent jew appoġġ. “Qed nitolbu li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi estiż biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda vojt ġuridiku u l-ebda lakuna matul dan il-perjodu fil-pajjiż il-ġdid. Dan se jippermetti lill-persuni b’diżabilità jgħixu b’mod dinji sa mill-bidu nett,” qal is-Sur Vardakastanis. (ll)