European Economic
and Social Committee
Il-Ġubilew tal-KESE: l-UE teħtieġ saħansitra aktar djalogu soċjali
Il-KESE huwa storja ta’ suċċess, iżda l-Unjoni Ewropea teħtieġ tagħmel sforz saħansitra aktar b’saħħtu biex tkompli bil-kuntratt soċjali tagħha, is-solidarjetà, ekonomija ġusta u l-inklużività. Dan huwa l-muftieħ biex jiġu ppreservati l-valuri Ewropej tagħha.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ġie stabbilit mit-Trattat ta’ Ruma (iffirmat f’Marzu 1957) u kellu l-ewwel sessjoni plenarja tiegħu f’Mejju 1958. L-esperjenza tal-passat u t-tagħlimiet għall-futur kienu s-suġġett ta’ dibattitu intitolat “Ċelebrazzjoni tal-65 anniversarju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Insaħħu l-pożizzjoni tas-Soċjetà Ċivili, Niddefendu d-Demokrazija”, li sar fit-13 ta’ Diċembru 2023 fi Brussell. “Matul dawn l-aħħar 65 sena, il-Kumitat bena pjattaforma ġenwina li fi ħdanha s-soċjetà ċivili tista’ tesprimi l-fehmiet tagħha b’mod liberu u b’hekk tħabrek biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni tal-UE. Fil-kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel, leħen soċjetà ċivili b’saħħitha u indipendenti huwa aktar importanti minn qatt qabel. Hija s-soċjetà ċivili, fir-rwol tagħha bħala gwardjana, li tiżgura li ħadd ma jiddiżattiva l-kontrolli u l-bilanċi, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet u l-valuri fundamentali – ħalli ħadd ma “jitfi d-demokrazija””, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke.
Il-membri tal-KESE jirrappreżentaw id-diversità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa, fosthom in-negozji, it-trade unions u gruppi oħra ta’ interess. Huwa korp konsultattiv tal-UE li jippubblika Opinjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-UE u lill-Parlament Ewropew u jaġixxi bħala pont bejn l-istituzzjonijiet tal-UE li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE. “Il-KESE għalaq 65 sena u forsi tħossu li wasal iż-żmien li jirtira. Iżda dan huwa ’l bogħod mill-verità. Il-KESE issa huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel, meta ħafna Ewropej qed jiffaċċjaw diffikultajiet. It-tentattiv biex jiġi injorat ir-rwol tad-djalogu soċjali organizzat għandu jiġi reżistit. L-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE għandhom jagħtuna aktar widen”, ħeġġeġ George Dassis, eks President tal-KESE u President tal-Assoċjazzjoni tal-Eks Membri tal-KESE.
Kif enfasizzat matul id-dibatittu, f’dawn l-aħħar snin il-KESE kien imsieħeb mexxej fid-dibattitu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE kien ukoll parti integrali mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li r-rakkomandazzjonijiet finali tagħha semmew b’mod espliċitu lill-KESE bħala strument biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u t-trasparenza fid-demokrazija tal-UE. Eżempji reċenti tar-rwol pijunier tal-KESE jinkludu li jkun l-ewwel wieħed li jappella għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa adatta u li jkun fuq quddiem nett biex jipproponi d-“dritt għat-tiswija”. Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, enfasizza l-importanza tal-impatt tal-ħidma tal-KESE kif ukoll it-titjib li sar fil-leġiżlazzjoni mill-1958 ’l hawn: “Fix-xhur reċenti ksibna diversi għanijiet prinċipali, inklużi l-kontroll tal-kompetittività u Patt Blu tal-UE. U se nkomplu naħdmu biex inwasslu l-fehmiet ta’ dawk li nirrappreżentaw.”
It-tranżizzjoni tal-enerġija, il-ġlieda kontra l-kriżi klimatika u r-rispons għat-theddida ġeopolitika imposta mir-Russja huma biss xi wħud mill-isfidi li jsaħħu l-ħtieġa għal KESE li jgħin jinbena kunsens għall-ġid komuni, jiġu promossi l-valuri tal-integrazzjoni Ewropea u tiġi promossa l-kawża ta’ demokrazija parteċipattiva u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. “Għal 65 sena, il-KESE pprovda pjattaforma għar-rappreżentanti tat-trade unions biex jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet sinifikanti mal-impjegaturi, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea. Is-suċċess tal-KESE jinsab fil-kollaborazzjoni. Billi nlaqqgħu flimkien rappreżentanti minn ħafna gruppi differenti fis-soċjetà, jirnexxielna nfasslu Opinjonijiet b’ħafna perspettivi differenti. Din l-inklużività tiżgura li l-ħidma tagħna tibqa’ konformi mal-prinċipji demokratiċi” qalet Lucie Studničná, President tal-Grupp tal-Ħaddiema.
Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, appella biex il-KESE jkun totalment mobilizzat għall-elezzjonijiet Ewropej. “L-UE trid issolvi l-problemi tal-isfidi komuni Ewropej b’mod kollettiv. Jekk dan niksbuhx jiddependi ħafna mir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-KESE u l-membri tiegħu għandhom mandat u responsabbiltà li jilħqu liċ-ċittadini permezz tan-networks tagħhom ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni, il-biżgħat u n-nuqqas ta’ fiduċja. Irridu nirrepetu l-appell tagħna għal miżuri ġenwini biex id-djalogu mas-soċjetà ċivili jiġi implimentat fil-livell tal-UE fl-oqsma kollha ta’ politika.”