Hekk kif l-intelliġenza artifiċjali qed tbiddel għal kollox il-post tax-xogħol, huwa kruċjali li titkompla l-promozzjoni tal-IA ċċentrata fuq il-bniedem u l-promozzjoni ta’ politiki li jibbilanċjaw l-iżvilupp b’saħħtu tal-IA fl-Ewropa mal-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema, intqal waqt dibattitu ta’ livell għoli fil-KESE.

Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Jannar, il-KESE kellu dibattitu dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol, b’dikjarazzjonijiet mill-President tal-KESE Oliver Röpke, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Roxana Mînzatu, u l-Viċi Ministru tal-Familja, ix-Xogħol u l-Politika Soċjali tal-Polonja Katarzyna Nowakowska, fost l-oħrajn.

Waqt li fetaħ id-dibattitu, is-Sur Röpke stqarr li: “L-intelliġenza artifiċjali hja waħda mix-xejriet l-aktar trasformattivi ta’ żmienna, u toffri potenzjal immens waqt li tippreżenta wkoll sfidi kritiċi. Id-dibattitu tal-lum afferma mill-ġdid l-importanza li l-politika dwar l-IA tiġi ankrata fil-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.”

Is-Sinjura Mînzatu enfasizzat li: “Meta naħsbu dwar l-IA, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol, għandna nħarsu lejn modi kif nagħtu spinta lill-investiment tagħna fir-riċerka u l-innovazzjoni, u kif nissimplifikaw il-modi li bihom il-kumpaniji Ewropej jistgħu jiżviluppaw f’dan il-qasam sabiex ikollna t-teknoloġiji tagħna stess imħarrġa skont id-data Ewropea u bbażati fuq il-valuri Ewropej. Waqt li nħarsu l-valuri tagħna dwar id-drittijiet soċjali u l-ugwaljanza, niżguraw li l-ħaddiema Ewropej ikollhom l-istess drittijiet f’dinja bl-IA jew mingħajrha – li jkunu protetti, u li jiġi implimentat kontroll iċċentrat fuq il-bniedem.”

Is-Sinjura Nowakowska ddikjarat li l-intelliġenza artifiċjali fid-dinja tax-xogħol qed toffri opportunitajiet tremendi biex jiżdiedu l-produttività u l-kompetittività għan-negozji, iżda tqajjem ukoll għadd ta’ mistoqsijiet dwar l-impatt potenzjali tagħha fuq l-impjiegi, is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-kwalità ġenerali tal-impjiegi, u r-rwol tad-djalogu soċjali.

Adozzjoni tal-Opinjoni dwar l-IA favur il-ħaddiema u l-kontropinjoni mehmuża

Wara d-dibattitu fil-plenarja, il-KESE adotta l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar IA favur il-ħaddiema: mekkaniżmi biex jiġi sfruttat il-potenzjal u jittaffew ir-riskji tal-IA b’rabta mal-politiki dwar l-impjiegi u s-suq tax-xogħol, imfassla mir-relatur Franca Salis-Madinier. L-Opinjoni ġiet adottata b’142 vot favur, 103 voti kontra u 14-il astensjoni. Ma rċevietx l-appoġġ tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, li ressaq kontropinjoni.

Fl-Opinjoni, il-KESE jenfasizza li l-involviment tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali għandhom rwol kruċjali fil-preżervazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u fil-promozzjoni ta’ IA “affidabbli” fid-dinja tax-xogħol. Iżżid tgħid li r-regoli attwali għandhom jindirizzaw il-lakuni fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u jiżguraw li l-bnedmin jibqgħu fil-kontroll fl-interazzjonijiet kollha bejn il-bniedem u l-magni.

Il-kontropinjoni tal-Grupp ta’ Min Iħaddem ġiet mehmuża mal-Opinjoni. Il-membri tal-Grupp spjegaw li, fil-fehma tagħhom, l-UE diġà għandha l-għodod biex tħaddan ir-rivoluzzjoni tal-IA, u l-qafas legali eżistenti jiżgura l-implimentazzjoni bla xkiel tagħha. (lm)