Rapport ġdid tal-KESE jissuġġerixxi li l-UE għandha tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni komplut, pluriennali u strateġiku sabiex jinħeles il-potenzjal sħiħ tad-diplomazija kulturali.

Għalkemm il-kultura bħala strument tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea ilha fuq l-aġenda għal dawn l-aħħar 17-il sena, qatt ma kienet prijorità reali. Madankollu, issa li l-gwerra reġgħet fuq il-kontinent, il-kultura teħtieġ iktar minn qatt qabel tkun xprun strateġiku ewlieni tal-politika barranija tal-UE, il-KESE jenfasizza fl-Opinjoni.

“Il-kultura tista’ tkun assi prinċipali fil-perkors intern tal-Ewropa, iżda wkoll fl-immaġni esterna li tipprojetta l-UE,” qal Luca Jahier, relatur għall-Opinjoni.

Is-Sur Jahier enfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-wirt kulturali bħala suġġett ta’ sensittività politika kif ukoll kumpless ħafna, u għaldaqstant komponent diplomatiku b’saħħtu u komplementari għall-approċċ tal-UE lejn il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli.

Pjan ta’ azzjoni strateġiku pluriennali u b’saħħtu dwar id-diplomazija kulturali għandu jkopri l-protezzjoni, ir-restawr u l-bini mill-ġdid tal-wirt f’żoni milquta minn diżastri naturali, kriżijiet u kunflitti. Għandu jinkludi wkoll l-identifikazzjoni ta’ inizjattivi eżistenti, li jwassal għall-ħolqien ta’ pjattaforma tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali kif ukoll struttura ddedikata fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li jkollha fiċ-ċentru tagħha “Mibgħut Speċjali tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali”.

L-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar ir-rwol tad-diplomazija kulturali, adottata fis-sessjoni plenarja tal-KESE f’Ottubru, tenfasizza s-sinifikat tad-dimensjoni kulturali fil-kuntest ġeopolitiku attwali, xi ħaġa li hija kompletament konformi mal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. (mt)