L-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa u l-prijoritajiet tal-Grupp tal-Ħaddiema

Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Li jinżammu d-drittijiet tal-ħaddiema għandu jkun prijorità assoluta fi kwalunkwe pjan ta’ rkupru u ta’ rikostruzzjoni wara l-pandemija tal-COVID-19, bis-solidarjetà bħala l-prinċipju ta’ gwida. Biex dan jissarraf fi prijoritajiet u azzjonijiet konkreti, il-Grupp tal-Ħaddiema organizza laqgħa straordinarja fl-24 ta’ Novembru.

Fuq l-aġenda, l-isfidi enormi li l-Ewropa qed tiffaċċja, u s-soluzzjonijiet biex dawn jingħelbu li jpoġġu l-ħolqien u s-salvagwardja ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-irkupru soċjali fuq livell indaqs mat-tħassib ekonomiku, bil-għan li jinkiseb mudell soċjali, ambjentali u ekonomiku ġdid.

Il-kwistjonijiet diskussi li ser jgħinu jaġġornaw u jsawru l-prijoritajiet tal-Grupp, għall-ħames snin li ġejjin u iktar, messew il-kwistjonijiet kruċjali ta’ tħassib għall-UE u għaċ-ċittadini tagħha, bħall-faqar u l-inugwaljanza dejjem jiżdiedu, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali, id-djalogu soċjali, is-sostenibbiltà, it-tranżizzjoni ġusta u oħrajn.

Ġew mistiedna diversi persuni ewlenin biex, mal-membri tal-Grupp tal-Ħaddiema, jiddiskutu l-isfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali għall-ġejjieni tal-Ewropa. Wara dibattitu dwar l-isfidi soċjali ma’ Oliver Röpke, President tal-Grupp tal-Ħaddiema, u ma’ Cinzia del Rio, Viċi President tas-Sezzjoni tal-KESE għall-Affarijiet Soċjali, Ana Mendes Godinho, il-Ministru tal-Portugall għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali, ippreżentat il-prijoritajiet tal-Presidenza Portugiża.

Jorge Valero, ġurnalist tal-Euractiv, kien il-moderatur tas-sessjoni ta’ wara nofsinhar. Il-pandel dwar l-isfidi ekonomiċi fl-Ewropa kien immexxi minn Stefano Palmieri, il-President tas-Sezzjoni tal-KESE għall-Affarijiet Ekonomiċi. Id-dibattitu kien arrikkit mid-diskors ta’ kelliema ewlenin, jiġifieri Jonás Fernández, il-Koordinatur tal-S&D, Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, u Colin Crouch, Professur Emeritus mill-Università ta’ Warwick.

Id-dibattitu finali dwar is-suġġett tal-isfidi ambjentali u l-Patt Ekoloġiku ġie introdott minn Peter Schmidt, President tas-Sezzjoni tal-KEsE għall-Agrikoltura, b’diskorsi mill-Kummissarju Frans Timmermans responsabbli mill-Patt Ekoloġiku, u minn Lucie Studničná, Viċi President tal-Grupp tal-Ħaddiema.