Prevista l-fażi li jmiss tal-Pjattaforma Ewropea għall-Ekonomija Ċirkolari hekk kif tibda t-tieni mandat

F’konferenza annwali li saret kompletament online fit-3-4 ta’ Novembru, il-KESE esprima d-determinazzjoni tiegħu li jgħin biex il-Pjattaforma għall-Ekonomija Ċirkolari ssir tassew ċentru tal-isforz kollettiv biex tinbena ekonomija ċirkolari fl-Ewropa.

Il-President tal-KESE Christa Schweng fetħet l-avveniment flimkien mal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Frans Timmermans, b’ħarsa lura lejn l-ewwel tliet snin tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari bħala bażi tad-data tal-aħjar prattiki u bħala forum ta’ diskussjoni għall-prattikanti, u bi stennija għall-mandat li se jibda taħt il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari ġdid.

“L-aħħar tliet snin urew li dan huwa l-mod kif in-nies iridu li jaħdmu flimkien,” qalet. “Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, il-pjattaforma tagħkom, hija eżempju eċċellenti ta’ politika u prattika li jaħdmu id f’id.

Għalhekk nistedinkom tkomplu taqsmu bejnietkom it-tagħlimiet miksuba u l-eżempji ta’ ispirazzjoni, sew jekk huma prodotti tal-konsumatur iddisinjati għal imġiba ċirkolari, ideat innovattivi għat-tnaqqis u l-ġestjoni tal-iskart, ġojjellerija ddisinjata minn materjal riċiklat, strateġiji nazzjonali tal-gvernijiet għall-ekonomija ċirkolari, kif ukoll skejjel li qed iħejju l-ġenerazzjoni li jmiss.

Jekk tħarsu madwarkom, se taraw li t-tranżizzjoni konġunta tagħna bdiet, iżda hemm bżonn naħdmu ħafna iktar biex l-UE tabilħaqq tmexxi t-tranżizzjoni globali lejn ekonomija ċirkolari.”

Is-Sinjura Schweng saħqet li l-ekonomija ċirkolari se tkun essenzjali biex jirnexxi l-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-pjan ewlieni tal-UE għas-snin li ġejjin. Hija speċifikat li l-ekonomija ċirkolari tat prova li toħloq l-impjiegi (madwar 4 miljun impjieg ġdid bejn l-2012 u l-2018), fi żmien meta t-telf ta’ impjiegi huwa ta’ tħassib għal kulħadd, u bil-ħtieġa li n-negozji jingħataw l-appoġġ biex jimplimentaw it-tranżizzjoni fi żmien meta qed jitħabtu bl-impatt tal-COVID-19.

Il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, Cillian Lohan, wieħed minn dawk li taw bidu għall-pjattaforma u li jemmnu ħafna fil-potenzjal tagħha, fetaħ it-tieni jum tal-konferenza, filwaqt li saħaq li l-kooperazzjoni kienet u trid tibqa’ fil-qalba tal-proġett:

“Sa mill-bidu nett, din il-pjattaforma kienet għal kollox kwistjoni ta’ kollaborazzjoni,” qal is-Sur Lohan. “Dik l-istorja – għalkemm hija storja reċenti ħafna – hija importanti li wieħed jiftakar fiha għaliex l-ispirtu ta’ proġett kollaborattiv ġie stabbilit immedjatament: din kienet xi ħaġa li konna se niksbu flimkien, pjuttost milli f’kunflitt jew f’kompetizzjoni ma’ xulxin. U l-pjattaforma kompliet taħdem f’dak l-ispirtu. 

"L-ekonomija ċirkolari hija tranżizzjoni li tinkiseb minn kulħadd, b’dan il-mod kollaborattiv, bil-partijiet ikkonċernati fuq quddiem nett tagħha. Illum qed infittxu li mmexxu l-ekonomija ċirkolari ’l quddiem bil-parteċipazzjoni tagħkom ilkoll fit-tmexxija.”

Madwar 700 persuna pparteċipaw f’dan l-avveniment fuq jumejn, biex b’hekk huwa waħda mit-temi l-aktar popolari fuq Twitter fil-Belġju.

Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari hija inizjattiva tal-KESE-Kummissjoni Ewropea li għandha l-għan li tipprovdi “network ta’ networks” biex tappoġġja tranżizzjoni xprunata mill-partijiet interessati. Bħala proġett pijunier, serviet bħala mudell għal pjattaformi simili kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fl-Istati Uniti.

L-eżiti tad-diskussjonijiet fil-konferenza dalwaqt se jkunu disponibbli fuq is-sit web tal-pjattaforma. (dm)