European Economic
and Social Committee
Għeżież qarrejja,
Hekk kif qed noqorbu lejn tmiem l-2023, nixtieq nieqaf ftit sabiex nirrifletti dwar l-istadji importanti li nkisbu mill-Kumitat tagħna matul din is-sena.
F’April, fil-bidu tal-mandat tiegħi, impenjajt ruħi biex il-KESE jsir pjattaforma aktar inklużiva u miftuħa, fejn l-Ewropej, speċjalment iż-żgħażagħ, jistgħu jesprimu t-tħassib u l-fehmiet tagħhom. Bi kburija ngħid li l-KESE għamel passi kbar u issa huwa l-ewwel istituzzjoni tal-UE li introduċa t-Test taż-Żgħażagħ tal-UE. Dan ifisser li ż-żgħażagħ se jingħaqdu fil-proċess tagħna ta’ tfassil tal-opinjonijiet sabiex jikkondividu l-fehmiet tagħhom dwar suġġetti ewlenin għall-ġejjieni tagħhom – id-dinjiet virtwali, l-ekonomija u d-demokrazija. Il-Grupp taż-Żgħażagħ tal-KESE se jimmonitorja mill-qrib dawn l-attivitajiet u se jmexxi inizjattivi taż-żgħażagħ fid-dar tagħna.
Nedejna sejħa għal Patt Blu tal-UE – strateġija komprensiva dwar l-ilma għall-Ewropa. Din hija kwistjoni li din id-dar qed tinsisti b’mod kollettiv biex issir prijorità politika għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss. Nemmen li ħloqna momentum u jeħtieġ li nżommuh għaddej. B’żieda fin-nixfiet, l-għargħar u l-mewġiet ta’ sħana, il-Patt Blu tal-UE wasal f’mument kruċjali. L-Ewropa teħtieġ b’mod urġenti approċċ awtonomu u trażversali dwar kif jiġi ġestit l-ilma, peress li m’hemmx ħin x’jintilef.
L-Ewropa qed taffaċċja kuntest ġeopolitiku ġdid, u kif qalet il-President von der Leyen, jeħtieġ li nwieġbu s-sejħa tal-istorja. Nemmen bis-sħiħ li l-pajjiżi kandidati tal-UE jeħtieġu azzjonijiet konkreti. Il-KESE qed jagħmel il-parti tiegħu billi jwitti t-triq u jintegra progressivament il-pajjiżi kandidati tal-UE. Adottajna inizjattiva dwar “Membri Kandidati tat-Tkabbir”. Dan ifisser li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi kandidati tal-UE se jingħaqdu mal-ħidma konsultattiva tagħna mill-2024. Kelli l-opportunità li nitkellem mas-soċjetà ċivili mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent matul il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tagħna f’Tessalonika, u mill-Ukrajna, matul l-aħħar żjara tiegħi fi Kiev. Il-messaġġ tiegħi kien ċar: il-KESE huwa msieħeb kredibbli li jwettaq l-impenji tiegħu. Ninsab konvint li din hija t-triq it-tajba ’l quddiem.
Dawn huma biss uħud mill-punti ewlenin tal-2023, iżda nixtieq intenni li dawn l-istadji importanti ma setgħux jinkisbu mingħajr l-isforz kollettiv ta’ din id-dar, tal-membri u tal-persunal tagħna. Nixtieq nirringrazzjakom għad-determinazzjoni u l-impenn tagħkom biex inkunu l-vuċi tas-soċjetà ċivili.
Hekk kif inħarsu ’l quddiem biex nilqgħu s-Sena l-Ġdida, se nilqgħu wkoll il-bidu tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE. L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lill-kollegi Spanjoli tagħna għall-ħidma sfieqa tagħhom u d-dedikazzjoni tagħhom matul il-Presidenza. Ninsab ħerqan biex naħdmu flimkien mal-Presidenza Belġjana.
Nixtiqilkom l-isbaħ awgurju għall-festi u nittama li nkomplu b’din il-ħidma kbira s-sena d-dieħla.
Oliver Röpke
Il-President tal-KESE