European Economic
and Social Committee
Wara l-protesti taż-żgħażagħ dwar il-klima wasal iż-żmien li ż-żgħażagħ jingħataw post madwar il-mejda
L-emerġenza klimatika li qed tiffaċċja d-dinja llum immobilizzat miljuni ta’ żgħażagħ madwar id-dinja, li ħafna minnhom huma milqutin serjament mit-theddida li toħloq għall-futur tagħhom. Fl-istess ħin, huma ż-żgħażagħ li għal diversi drabi wrew l-enerġija, il-kreattività u l-motivazzjoni tagħhom li jisfidaw il-mudelli attwali mhux sostenibbli u jħeġġu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jadottaw politiki ambizzjużi. Madankollu għad hemm distakk kbir bejn li jingħataw widen, u li tittieħed azzjoni dwar dak li jgħidu.
F’din l-Opinjoni, il-KESE jipprova jnaqqas dan id-distakk, filwaqt li jqis li l-involviment strutturat u formali taż-żgħażagħ huwa kruċjali fl-istadji kollha tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.
“L-Ewropa, u d-dinja, għandhom bżonn ambizzjoni, tmexxija u azzjoni. Is-sistemi tagħna huma bbażati fuq is-self mill-futur, issa wasal iż-żmien li nibdew ninvestu fil-futur”, saħaq Cillian Lohan, ir-relatur tal-Opinjoni.
F’dan il-kuntest, il-KESE jipproponi li jiġu organizzati Round Tables għaż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-Parlament, kif ukoll l-inklużjoni ta’ persuna delegata żagħżugħa fid-delegazzjoni uffiċjali tal-UE għal-laqgħat tal-COP tal-UNFCCC.
Din hija opportunità ta’ darba f’ġenerazzjoni waħda biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sistemiċi u ssir tranżizzjoni għal futur aħjar. (mr)